Il-kannabis, il-bini u l-prostituzzjoni għall-edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) vara l-edizzjoni annwali tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li se jiddiskuti sitt temi ewlenin.
Kull min għandu bejn it-13 u l-35 sena jista’ jipparteċipa, u se jkun hemm żewġ gruppi skont it-temi magħżula.
Il-KNŻ irrimarka li s-sitt temi se jkunu maqsuma f’żewġ gruppi, u t-temi fit-tieni grupp jistgħu jintgħażlu biss minn żgħażagħ ta’ ’l fuq minn 19-il sena.
L-ewwel grupp fih dawn it-temi:

  • Il-midja u l-ġurnaliżmu
  • L-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Bini f'Malta
  • Vot 16: Edukazzjoni Ċivika.

U t-tieni grupp:

  • Is-Saħħa Mentali f'Malta
  • Ir-Riforma tal-Ligi tal-Prostituzzjoni
  • Il-Legaliżazzjoni tal-Marijuana

Dawk kollha interessati huma mistiedna jidħlu fuq is-sit tal-Kunsill minn fejn jistgħu jimlew l-applikazzjoni biex b'hekk jieħdu sehem fl-edizzjoni ta' din is-sena.
Għajta biex iż-żgħażagħ jisfruttaw kull opportunità li tiġihom
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifyon Grima, qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li ż-żgħażagħ għandhom japprofittaw minn kull opportunità li tiġihom, u sostna li hu konvint li se jitressqu proposti li se jkunu żgur suġġetti għal diskussjoni interessanti ħafna.
Il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ ilu jsir għal dawn l-aħħar snin u dejjem attratta diversi żgħażagħ.
Il-Parlament joffri esperjenza unika għal dawk kollha li jixtiequ jaraw u jkunu parteċipi fi preparazzjoni ta’ mozzjoni li iktar ’il quddiem, wara li ssir is-seduta, tiġi ppreżentata lill-President tar-Repubblika, lill-Prim Ministru, u lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo