“Il-kandidatura tiegħi mhix l-uniku kontribut li nista’ nagħti” – Sammut

Read in English.

Mark Anthony Sammut, li kien qed jissemma bħala kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħabbar li mhuwiex se jikkontesta għal din il-kariga, iżda se jagħti l-kontribut tiegħu b’modi oħra.

Fuq Facebook, Mark Anthony Sammut kiteb illi huwa rrifletta u evalwa s-sitwazzjoni wara għadd ta’ messaġġi mingħand kunsilliera, tesserati, deputati, nies minn barra l-Partit u mijiet ta’ żgħażagħ biex jikkontesta.

Huwa stqarr li l-PN għaddej minn mument diffiċli, imma fl-istess waqt, dan hu mument li joffri l-opportunità unika ta’ tiġdid u tisħiħ. Kiteb li għalih il-politika qatt ma kienet kwistjoni ta’ ambizzjoni, u saħansitra sabha diffiċli jħalli l-kariga ta’ President tal-Eżekuttiv tal-PN, iżda dak iż-żmien, qal Sammut, emmen li dan kien l-uniku mod li kien fadallu biex iwassal il-messaġġ meħtieġ ta’ bidla mill-qiegħ tal-Partit.

Għalhekk, huwa ħa d-deċiżjoni li ma jikkontestax għall-kariga ta’ Kap tal-Partit, imma wiegħed li se jibqa’ jagħti s-sehem tiegħu biex fil-PN isseħħ il-bidla radikali meħtieġa. Qal li jrid jara aktar żgħażagħ, studenti u nisa jagħtu sehemhom fil-Partit.

F'dawn il-ġranet ħafna minnkom ikkuntattjawni u ħeġġewni biex nikkontesta l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit…

Posted by Mark Anthony Sammut on Friday, August 7, 2020

Il-Kap kurrenti tal-PN Adrian Delia lbieraħ ħabbar li ssottometta l-interess tiegħu biex ikun kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech mistenni jkun il-kandidat l-ieħor f’din l-elezzjoni, wara li Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia t-tnejn kitbu li mhumiex se jikkontestaw.