Aġġornata: Il-President Franċiż jappella għall-unità fi Franza

Il-President Franċiż Francois Hollande ħeġġeġ lill-poplu Franċiż biex jingħaqad f’dan il-mument li ddeskrivih bħala wieħed twil u diffiċli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Waqt il-funeral tal-uffiċċjal tal-Pulizija Xavier Jugele ta’ 37 sena, li safa’ maqtul minn terrorist waqt li kien għassa fejn ix-Champs Elysèes, Hollande appella biex il-poplu Franċiż ma jħallix l-elezzjoni ġenerali tifirdu.
Il-kandidati telliefa fi Franza għalenija kontra Marine Le Pen
Aktar kmieni, dawk li kontestaw għall-elezzjoni presidenzjali u baqgħu l-art qed jagħtu s-sapport tagħhom lil Emmanuel Macron u qed jappellaw lill-pubbliku biex ma jagħtux il-vot tagħhom lil Marine Le Pen.
Minkejja li kemm ir-Repubblikani kif ukoll is-Soċjalisti qablu li issa l-għan konġunt tagħhom hu li jwaqqfu lil Le Pen, mhix ħaġa ħafifa għalihom li jipperswadu lill-elettorat Franċiż jivvota lil Macron.
Jean-Francois Cope, figura prominenti tar-Repubblikani, stqarr mal-midja internazzjonali li m’hemmx għażla oħra ħlief li jivvutaw lil Macron, iżda mhux se jkunu qed jagħmlu wisq reklamar għal ismu.
Il-mexxej tas-Soċjalisti, Jean-Christophe Cambadelis, qal li mhux se jaħsibha darbtejn biex jivvota lil Macron, u sostna li l-partit tiegħu jinsab wara Macron biex anki jaġevola lill-elettorat jivvutalu. Żied jgħid li bħala propoganda qed jipprintja wkoll kartelluni favur Macron u jibgħat nies minn tiegħu iħabbtu bieb bieb u jitkellmu man-nies dwar Macron.