Il-kanċer reġa’ ħakimha

L-attriċi ta’ 48 sena Shannen Doherty stqarret li l-kanċer li kienet ilha ħielsa minnu għal dawn l-aħħar tlett snin reġa’ tfaċċa u jinsab fir-raba’ stadju. Hija tkellmet dwar dan proprju waqt il-programm Good Morning America li xxandar dalgħodu fl-Istati Uniti.

“Ninsab imbeżża’,” stqarret hi hekk kif żvelat li kienet sabitha diffiċċli kif se taqsam din l-aħbar ma’ żewġha il-producer tal-films Kurt Iswarienko, u anki ma’ ommha Rosa.

L-attriċi bħalissa tinsab għaddejja b’battalja legali kontra kumpanija tal-assigurazzjoni u ddeċidiet li titkellem dwar il-kundizzjoni qabel mal-fatti joħorġu fis-smigħ tal-kawża din il-ġimgħa.

“Nippreferi li n-nies hemm barra jisimgħuha minn għandi u mhux jisimgħu biss biċċiet mill-fatt li joħorġu fid-dokumenti tal-qrati,” ikkummentat il-mara.

Għalkemm ħarġet issa bl-aħbar, Doherty, magħrufa għas-sensiliet Bevely Hills 90210 u Charmed fost ħafna oħrajn, ilha taf li l-kanċer kien reġa’ tfaċċa minn Frar li għadda, ftit żmien qabel mal-eks kollega u wieħed mill-akbar ħbieb tagħha, l-attur Luke Perry, miet b’kaġun ta’ puplesija f’Marzu tas-sena l-oħra.

Minkejja li kienet għadha taħt xokk li l-kanċer reġa’ ħareġ, Doherty kompliet bil-ħidma tagħha fuq is-sensiela BH90210 kif ukoll ħadmet f’episodju ta’ Riverdale bħala tislima lil Luke Perry. Kien biss l-attur Brian Austin Green li kien jaf bil-kundizzjoni tagħha.

Kien fl-2015 li Doherty kellha l-ewwel kanċer u għaddiet minn mastekotomija, kimoterapija u radioterapija. Fl-2017 qalulha li l-kanċer kien telaq, iżda reġa’ tfaċċa  fl-aħħar xhur u hija determinata li taffrontah b’kuraġġ biex tegħlbu.