Is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali spjegat li fil-monument tal-iljun tal-Furjana, hemm il-kanal mikxuf minn fejn jgħaddi pajp minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin.
Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola xeħet dawl fuq il-kwistjoni il-ġimgħa li għaddiet meta xerred ritratt fuq Facebook tal-kanal mikxuf u staqsa kif dan hu hekk.
Ftit tal-ħin wara, iżda, ikkjarifika li kien ġie mgħarraf li dan il-kanal inkixef għal xi żmien u kellu jitranġa ladarba jistennew ix-xogħlijiet.
Mistoqsija dwar dan minn Newsbook.com.mt, is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali spjegat li l-kanal fuq wara tal-istatwa tal-iljun ġie mqatta’ numru ta’ snin ilu sabiex ikun jista’ jingħadda pajp tal-ilma, li minħabba li kien mgħotti bil-kisi ma kienx jidher.
Il-kisi, iżda, tneħħa riċentament minħabba xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni u kif dawn ix-xogħlijiet jitlestew, se jerġa’ jitqiegħed, taħt is-sorveljanza tas-Sovrantendenza.
Kelliem għall-Kunsill Lokali tal-Furjana, filwaqt li enfasizza li l-Furjana ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill, spjega wkoll li l-kanal spiċċa mikxuf minħabba xogħol ta’ manutenzjoni u tindif tal-funtana.

Il-monument tal-iljun huwa monument skedat bħala Grad 1 kif ippubblikat fl-Avviż tal-Gazzetta tal-Gvern 1082/09 tat-22 ta’ Diċembru 2009.