Il-Kanada tirtira mill-Olimpjadi f’Tokyo

Tokyo 2020

L-Olimpjadi ta’ Tokyo huma dubjużi jsirux wara li l-Kanada saret l-ewwel pajjiż maġġuri li ħareġ mil-Logħob.

L-uffiċjali Kanadiżi appellaw biex il-Logħob ikun pospost għas-sena d-dieħla b’mod urġenti minħabba l-vajrus li nxtered mad-dinja. Il-kumitat Olimpiku Kanadiż u l-kumitat paralimpiku tal-pajjiż qalu li l-Logħob għandhom jitmexxew b’sena minħabba s-saħħa pubblka

Il-prim ministru Ġappuniż Shinzo Abe kien ukoll ikkonċernat dwar is-sitwazzjoni u kien konxju li l-Logħob jistgħu jiġu posposti minħabba l-epidemija tal-COVID-19.

L-uffiċjali Kanadiżi fi stqarrija li ppublikaw aktar kmieni llum qalu li dan kollu qed isir għax qed jibżgħu mhux biss għas-saħħa tal-atleti, iżda wkoll għas-saħħa tal-pubbliku li se jattendi biex jara l-Logħob. Stqarrew li kif inhi s-sitwazzjoni s’issa, l-atleti m’humiex f’pożizzjoni li jkomplu jipprattikaw u jippreparaw għall-kompetizzjoni.