Il-Kanada mhix se tibqa’ tipprovdi sigurtà għall-Prinċep Harry u d-Dukessa Meghan, ladarba l-koppja ma tibqax membri li jaħdmu għall-familja rjali fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan tħabbar mill-Gvern Kanadiż illum.
Minn mindu l-koppja marret toqgħod il-Kanada, il-Pulizija Kanadiża kienet qiegħda tassisti lill-Pulizija Metropolitana ta’ Londra b’sigurtà għad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex. Kienu bdew jgħinu lill-Pulizija Ingliża saħansitra f’Novembru, meta l-koppja kellha vaganza ta’ sitt ġimgħat fil-pajjiż.
Iżda meta Harry u Meghan ma jibqgħux jitqiesu fost l-ogħla membri tal-familja rjali, mhux se jibqa’ jkollhom sigurtà mħallsa mill-istat, li hi stmata li tiswa l-miljuni.
Il-koppja ssummat lid-dinja kollha f’Jannar li għadda meta ħabbret li beħsiebha tieħu pass lura mill-irwoli rjali li taqdi. Dan minħabba pressjoni mill-midja fl-aħħar snin.