Aġġornata: Il-PD jsejjaħ id-dibattitu dwar il-mina bħala “fażull”

Il-Partit Demokratiku kkundanna l-unità li sejjħilha “bla mistħija” tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li għaddew il-proġett tal-mina bħala fatt lest qabel saħansitra ma ġew konklużi u ppublikati l-istudji dwaru.
Il-Partit Demokratiku qal li se jkompli jaħdem għas-sewwa, fl-aħjar interessi tal-Maltin u Għawdxin kollha, fuq livell politiku komunitarju, nazzjonali u Ewropej.

 

Il-Front Favur il-Mina

Il-Front Favur il-Mina qal li l-għan aħħari tat-twaqqif tiegħu kien purament sabiex iwassal il-messaġġ u jikkampanja favur l-istess proġett infrastrutturali ta’ importanza għal Malta.

Il-Front qal li se jibqa jagħmel dan bi spirtu attiv għall-ġid u l-avvanz ta’ Malta, b’mod partikolari l-gżira Għawdxija.

Il-Kamra tan-Negozju Għawdxija tilqa’ l-vot

Il-Kamra tan-Negozju Għawdxija qalet li l-vot li ttieħed ilbieraħ fil-Parlament dwar riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern kif emendata mill-Oppożizzjoni kien “vot storiku favur Għawdex”.

Spjegat kif fil-Parlament inkitbet paġna storika hekk kif il-mozzjoni dwar il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer għaddiet b’mod unanimu miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Spjgaw ukoll kif dan huwa mument fejn għandu jkun hemm ippjanar dwar il-futur ta’ Għawdex “f’kuntest ġdid u b’għodda ġdida”. Temmew jgħidu li Għawdex b’link permanenti jista’ jibbenefika u jipparteċipa bis-sħiħ mill-ġid nazzjonali filwaqt li jikkontribwixxi aktar lill-ekonomija ta’ Malta.

Wirt Għawdex tesprimi tħassib fuq il-proġett ta’ mina għall-vetturi

L-organizzazzjoni Wirt Għawdex qalet li l-proġett kif propost, jiġifieri mina għall-vetturi huwa maħsub li jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent naturali, il-patrimonju arkitettoniku, u l-wirt kulturali u soċjali t’Għawdex.

Wara li ġie organizzat dibattitu pubbliku, kif ukoll inġabru l-ħsibijiet tal-membri tal-istess organizzazzjoni, Wirt Għawdex qalet li t-tħassib tagħha huwa marbut ma’ dawn l-elementi li l-organizzazzjoni nnifisha taħdem biex tipproteġi u ssalva.

Il-kumitat ta’ Wirt Għawdex qal li “jifhem u jissimpatizza” mad-diffikultajiet kollha li jiffaċċjaw l-Għawdxin li jaqsmu b’mod regolari lejn Malta.  Għalhekk l-għaqda pproponiet li jkun hemm soluzzjonijiet li jiġu attwati b’mod immedjat fosthom, ir-raba’ vapur, żieda fin-numru ta’ vjaġġi, is-servizz ta’ fast ferry, kif ukoll soluzzjonijiet oħra aktar ’il quddiem bħal sistema ta’ mass transit.

Sostniet li d-dover bħala Għawdxin primarjament jibqa’ li kwalunkwe soluzzjoni ma tirriżultax fit-telfa tal-karattru uniku tal-gżira u l-istil ta’ ħajja kif nafuh u ngħożżuh illum.

It-tħassib ta’ Wirt Għawdex:

L-Ambjent Naturali – Huwa ċert li t-tħaffir tal-mina, flimkien mat-tneħħija u t-trasferiment tal-materjal ġenerat mill-istess tħaffir, ser jikkaġuna ħsara konsiderevoli fuq l-ambjent naturali tal-gżira u l-ibħra tal-madwar.

Huwa maħsub li wara li titlesta l-mina, iż-żieda fit-traffiku jkollha konsegwenzi fuq it-tniġġis tal-arja, kif ukoll tikber id-domanda biex jitwessgħu t-toroq u għalhekk tkompli tintilef l-art agrikola.  Huwa mistenni li tkompli tikber id-domanda għall-propjetà u għalhekk ikompli jiżdied il-bini, li awtomatikament jirriżulta fit-teħid ta’ aktar art agrikola, spekulazzjoni ta’ karburant, u aktar pressjoni mill-iżviluppaturi għat-teħid ta’ art ODZ.

Il-Wirt Arkitettoniku – Il-bżonn li tkompli tittejjeb l-infrastruttura tat-toroq biex tagħmel tajjeb għaż-żieda u l-konġestjoni tat-traffiku jkollha l-kaġun li jinbidlu l-irħula tradizzjonali.  Iż-żieda fid-domanda għall-propjetà u ż-żieda fil-bini wkoll iwasslu biex jinbidlu l-karatteristiċi tal-irħula Għawdxin, bil-konsegwenza li jinkuraġġixxu t-tibdil jew it-twaqqigħ ta’ binjiet storiċi, jiżdiedu l-limitazzjoni tal-għoli tal-bini, u jiġu estiżi ż-żoni tal-iżvilupp, b’konsegwenzi negattivi, fosthom it-telfa tal-irħula distinti kif nafuhom illum.

Il-Wirt Soċjo-kulturali – Minkejja l-isfidi kbar li ġġib maghha, l-insularità tal-gżira Għawdxija tirriżulta f’kultura u stil ta’ ħajja differenti, li evolvew matul is-sekli u li jvarjaw mhux ftit minn dawk ta’ Malta.  Għalhekk, l-influss f’daqqa u bla kontroll ta’ influwenzi li ġejjn mill-gżira l-oħra żgur li ser iħallu impatt negattiv fuq dak kollu li hu Għawdxi, bir-riżultat li jinbidlu u jintilfu n-normi u t-tradizzjonijiet kulturali u soċjali distinti Għawdxin.