Il-Kamra tal-Periti tilqa’ t-twaqqif tal-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni

Il-Kamra tal-Periti laqgħet it-twaqqif ta’ Aġenzija ġdida tal-Bini u l-Kostruzzjoni wara li Avviż Legali ġie ppubblikat ilbieraħ, u b’hekk, l-Aġenzija twaqqfet uffiċjalment. Fi stqarrija, il-Kamra qalet li din l-Aġenzija hija l-prekursur tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni li se titwaqqaf fix-xhur li ġejjin.

It-twaqqif ta’ din l-Aġenzija ġiet propju wara li numru ta’ propjetajiet residenzjali madwar Malta spiċċaw iġġarrfu kawża ta’ xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni li kien għaddej bieb ma’ bieb magħhom.

Aqra: Riforma kostruzzjoni: Reġistru tal-Kuntratturi mill-ġimgħa d-dieħla

Il-Kamra spjegat li l-Aġenzija għandha l-funzjoni li tħejji, timplementa u tqassam diversi policies, flimkien mal-konsolidazzjoni u r-reviżjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti, fil-forma ta’ kodiċi nazzjonali tal-bini, kif ukoll li twettew il-preparamenti meħtieġa sabiex tiġi mwaqqfa’ l-Awtorità tal-Bini u tal-Kostruzzjoni.

Kompliet tgħid li dan hu pass importanti sabiex jiġi żgurat li l-industrija tiġi rregolata. Intant, il-Kamra tal-Periti qalet li se tkun qed tħares ‘il quddiem sabiex tkun tista’ tippreżenta l-proposti tagħha lill-Aġenzija sabiex dawn jiġu implementati mill-Aġenzija stess.

Aqra: “Għandha tinħoloq awtorità li tirregola s-settur tal-bini” – Maġistrat

X’inhuma l-funzjonijiet tal-Aġenzija skont l-Avviż Legali?

L-Avviż Legali jispjega li l-Aġenżija se jkollha l-irwol li tiddisinja, timplementa u tiddisemina l-policies, filwaqt li tikkonsolida u tirrevedi l-liġijiet sabiex il-bini u l-kostruzzjoni jiġi mmaniġġjat b’mod aħjar. Hi se tkun qed taħdem sabiex twitti t-triq għall-bidu tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

L-Aġenzija se tkun responsabbli wkoll mill-immaniġġjar ta’ ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, Il-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, il-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Bini u l-Masons Board. Intant, l-Aġenzija se tkun ukoll responsabbli mill-proċessi kollha relatati mat-tibdil fil-management li hemm bżonn isir sabiex il-kodiċi nazzjonali tal-bini tiġi infurzata.

Aqra: Il-proċess għadu għaddej biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni – il-Ministru Borg

L-Avviż Legali jgħid ukoll li l-Ministru għall-Infrastruttura se jkollu lok li jassenja funzjonijiet li jidhirlu li għandhom isiru mill-Aġenzija, u l-Aġenzija trid teżigwihom. Dan hekk kif il-Ministru se jkun responsabbli għall-Aġenzija u se jkun li japponta l-membri li se jkunu fuq il-Bord.

Kif se tkun imqassma l-Bord tal-Aġenzija?

Skont l-Avviż Legali, l-Aġenzija se tkun magħmula minn Chairperson u Bord li flimkien jagħmlu seba’ membri, kif ukoll units differenti li taħseb li għandha bżonn sabiex taqdi d-dmirijiet tagħha kollha. Id-Diretturi kollha tal-Bord se jkunu Diretturi mhux Eżekuttivi u kollha se jkollhom vot wieħed. Intant, wieħed minnhom se jkun Chairperson mhux Eżekuttiv. Iċ-Chairperson se jkun appuntant mill-Ministru għall-Infrastruttura. Il-Ministru għandu l-poter ukoll li japponta Deputat Chairperson fl-assenza taċ-Chairperson ewlieni. Il-Ministru għandu wkoll il-jedd li japponta Segretarju għall-Bord.

Intant il-bord tkun magħmula minn membru mill-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, membru mill-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, membru li se jkun qed jirrappreżental-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini u membru li jirrapreżenta l-Masons Board. Intant, żewġ membri oħra se jkunu appuntati mill-Ministru, li wieħed minnhom se jkun rikonoxxut bħala awditur u l-ieħor bħala avukat b’esperjenza fl-industrija partikolari.

Il-membri tal-Bord se jżommu l-pożizzjoni tagħhom għal mhux aktar minn sentejn.

Il-Ministru għandu l-poter ineħħi persuna mill-Bord

L-Avviż Legali jgħid li l-Ministru għall-Infrastruttura għandu l-poter li jneħħi persuna minn fuq il-Bord qabel ma jispiċċa t-terminu tagħha jekk tinstab ħatja ta’ mġieba ħażina, jekk ma jkollomx l-abbiltà li jkomplu b’xogħolhom fil-Bord minħabba mard, jekk ikunu aġixxew b’mod ħażin jew kawża oħra raġjonevoli.