Il-Kamra tal-Periti tikkummenta dwar il-qasma tal-MEPA

Il-Kamra tal-Periti rreferiet għall-qasma fi ħdan il-MEPA, bil-ħolqien tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Awtorità ġdida tal-Ippjanar.
Il-Kamra qalet li s-suċċess tal-awtorità responsabbli mill-iżvilupp ikun jiddependi biss mis-serjetà u l-kwalifiċi ta’ min imexxiha, u li x-xhur li ġejjin se juru b’mod prattiku jekk din il-qasma hix se tagħti kontribut aħjar lill-ambjent mibni.
Il-Kamra laqgħet il-fatt li suġġerimenti li ressqet hi qed jiġu implimentati, fosthom it-twaqqif ta’ kumitat li jirregola l-bini li jkun differenti mill-funzjoni tal-ippjanar.
Fl-istess ħin uriet diżappunt li s-suġġeriment tagħha, li jitwaqqaf kumitat għad-diżinn, ġie injorat u li l-kumitat li se jitwaqqaf bil-Liġi hu eżatt bil-maqlub ta’ dak li pproponiet hi u li kellu l-appoġġ taż-żewġ partiti politiċi ewlenin.
Sostniet li l-kumitat kif se jitwaqqaf se jżid il-burokrazija b’ebda impatt reali fuq il-kwalità tal-ambjent mibni.