Il-Kamra tal-Periti ssaqsi jekk l-Avviż Legali preżenti verament jiżgura aktar sigurtà

Miguela Xuereb

Il-Kamra tal-Periti qed tesprimi t-tħassib tagħha minħabba li ftit mijiet biss ta’ siti ta’ kostruzzjoni reġgħu bdew joperaw. Il-Kamra qalet li ma tistax tifhem għaliex inħoloq dak il-kaos kollu, meta issa hija infurmata li ħafna mis-siti, apparti dawk li jinvolvu xogħol ta’ twaqqiegħ u skavar, jikkwalifikaw għal eżenzjoni mir-regoli. Huma staqsew jekk hux bl-Avviż Legali preżenti, is-siti ta’ kostruzzjoni se jkunu verament aktar siguri.

It-talba tal-Kamra għar-reġistrazzjoni tal-kuntratturi, li ġiet imtennija b’saħħa mill-membri tal-MDA matul il-laqgħa ta’ informazzjoni li saret ilbieraħ, għada ma ġietx implimentata mill-Gvern. Fl-opinjoni tal-Kamra, dan huwa l-iktar pass kruċjali biex tiġi mħarsa s-saħħa tan-nies u ma jiġux ripetuti l-inċidenti li seħħew tul dawn l-aħħar xahrejn.

Fl-istess laqgħa li saret bejn il-Kamra tal-Periti u l-konsulenti tal-Gvern rigward l-Avviż Legali, fil-preżenza tal-President tal-MDA, ġie maqbul li l-Avviż Legali jeħtieġ numru ta’ emendi, u sadanittant kellhom joħorġu gwidi uffiċjali għall-operaturi fl-industrija dwar it-tip ta’ xogħlijiet li jistgħu jiġu eżentati mill-provedimenti ta’ dan l-Avviż Legali permezz tar-regolamenti 25 u 26, u dwar ir-responsabiltajiet li joħorġu minn dan l-istess Avviż. Skont stqarrija maħruġa mill-Kamra, intqal b’mod ċar lill-Kamra li l-ebda twaqqiegħ jew skavar kien se jkun eżentat mir-regolamenti l-ġodda. Għadu mhux ċar ukoll jekk il-bini ta’ sulari ġodda fuq bini eżistenti hux eżenti minn dawn ir-regolamenti.

Il-Kamra qalet li jidher li l-unika mod kif xogħol ta’ kostruzzjoni jista’ jitħalla jipproċedi huwa billi l-Uffiċċju tar-Regolament tal-Bini (BRO) tħalli r-regolamenti jiġu injorati kompletament. Il-Kamra qalet li dan iqajjem diversi mistoqsijiet, fosthom; jekk is-saħħa tan-nies hix qed tiġi mħarsa bid-dħul ta’ dawn ir-regolamenti, jekk iktar tiġrif ta’ bini se jkun evitat, u jekk din il-konfużjoni kollha li nħolqot wasslitx għal xi ħaġa. Il-Kamra ħeġġet lill-periti biex ikomplu josservaw il-provedimenti tal-Avviż Legali kif inhu sakemm il-BRO toħroġ gwidi uffiċjali li jinterpretaw b’mod ċar l-Avviż Legali.