Il-Kamra tal-Kummerċ tħeġġeġ trasparenza dwar il-garanzija bankarja mogħtija

Il-Kamra tal-Kummerċ ikkummentat dwar il-garanzija bankarja mogħtija lill-Gvern lill-konsorzju Electrogas għall-bini tal-powerstation il-ġdida.
Il-Kamra ħeġġet biex, fl-interess tal-pajjiż, f’ġieħ it-trasparenza l-fatti kollha jiġu ppubblikati u jiġu interpretati b’mod oġġettiv. Sostniet li fin-nuqqas ta’ dettalji mogħtija, b’mod ġust jitqajmu iktar dubji fil-pajjiż.
Qalet ukoll li fl-opinjoni tagħha, il-proġett hu parti importanti mill-pjan tal-pajjiż għall-enerġija u l-komunità kummerċjali Maltija tħoss li l-provvista tal-elettriku, b’mod stabbli u bi prezz li jilħqu kulħadd, hi ta’ importanza ewlenija għall-ekonomija tal-pajjiż.
Awgurat li l-Kummissjoni Ewropea tinterpreta s-sitwazzjoni fil-kuntest wiesgħa u fil-pożizzjoni formali tagħha, tqis il-ħtieġa ta’ provvista sigura ta’ enerġija kif stipulat fit-tender oriġinali. Spjegat li jekk il-Kummissjoni Ewropea tagħti l-approvazzjoni tagħha, il-garanzija mogħtija tkun biss temporanja.