Il-Kamra tal-Kummerċ tħeġġeġ lill-Gvern jissospendi l-iskema tal-passaporti

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tirrakkomanda lill-Gvern biex, b’effett immedjat, jissospendi l-iskema tal-passaporti “…biex ikun assigurat li kull investigazzjoni li tkun meħtieġa kif ukoll kull proċess ta’ due diligence, ikunu qed isiru u jkun assigurat li l-livelli għolja imposti taħt din l-iskema kif ukoll taħt skemi oħra ta’ residenza u ċittadinanza jkunu qed jiġu segwiti”. Din kienet biss waħda minn aktar minn 60 proposta għal governanza tajba li l-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat lill-Prim Ministru Robert Abela. Fost il-proposti hemm l-introduzzjoni ta’ reġistru dwar l-interessi, sejħa għal salarji ogħla għall-ministri u segretarji parlamentari u l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ diskussjoni nazzjonali dwar il-valuri. Id-dokument imħejji mill-Kamra tal-Kummerċ bl-isem Ethical Business Calls for Change – a manifesto for Good Governance by the Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry,kien ippreżentat lill-Prim Ministru mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Perit David Xuereb.

Kwistjoni ta’ valuri

Id-dokument huwa mqassam fuq żewġ saffi: saff li jitkellem fuq livelli u saff ieħor li jitkellem dwar dimensjonijiet. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ livelli ma jindika jekk l-aspett diskuss hux aktar importanti jew urġenti minn ieħor. Jekk xejn, dan id-dokument mill-ewwel iqiegħed lill-qarrej f’pożizzjoni li jagħraf li l-Kamra tal-Kummerċ mhix qed tagħmel proposti maħsuba li jraqqgħu l-pannu bil-qara’ aħmar. Il-Kamra tal-Kummerċ, f’dan id-dokument qed tħares lejn il-problemi kurrenti mnissla mill-governanza tal-pajjiż u kif dawn għandhom jiġu indirizzati. Il-Kamra tal-Kummerċ għamlet enfasi partikolari fuq il-kwistjoni tal-valuri. Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet il-ħtieġa li l-pajjiż jibda diskussjoni immedjata “…dwar il-valuri li jagħmluna Maltin – din l-inizjattiva għandha tifforma parti mir-riforma kostituzzjonali u għandha titmexxa mill-President tar-Repubblika”. Fuq l-istess linja, id-dokument jitkellem ukoll dwar il-valuri fil-qasam tal-kummerċ. Hekk kif bħalissa ir-reputazzjoni tal-qasam tal-kummerċ xejn ma huwa qed igawdi minn fama tajba, il-Kamra tal-Kummerċ ħasset il-ħtieġa li tinkludi f’dan id-dokument it-twaqqif ta’ kodiċi ta’ kondotta għal kummerċ ibbażat u mmexxi fuq prinċipji etiċi bħal ma ssegwi l-UK Financial Conduct Authority.

Dikjarazzjonijiet ta’ Interessi

Il-kwistjoni tal-valuri hija l-leit motif tad-dokument kollu li jorbot flimkien, tista’ tgħid, il-proposti kollha. Waħda mill-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ tinvolvi mhux biss id-dikjarazzjoni tal-assi, xi ħaġa li diġà ssir, imma saħansitra reġistru tal-interessi li fih jitniżżlu l-interessi u l-konnessjonijiet kummerċjali ta’ persuni politiċi u uffiċjali importanti. Flimkien ma’ dan ir-reġistru, il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jkun hemm ukoll setgħat punittivi għal min jinqabad jikser dawn ir-regoli “…bi tkeċċija immedjata fil-każi l-aktar serji”. Il- Kamra tal-Kummerċ tirrakkomanda wkoll li l-Membri Parlamentari ma għandhomx jitħallew iżommu pożizzjonijiet eżekuttivi biex inaqqsu r-riskju li jkunu qed ‘jintgħoġbu’ mal-Gvern. Il-Kamra tal-Kummerċ irrakkomandat ukoll l-introduzzjoni ta’ “…miżuri biex ikunu eliminati l-klijenteliżmu u n-nepotiżmu.”

F’dak li kważi jista’ jitqies bħala dikjarazzjoni ta’ gwerra kontra l-korruzzjoni, il-Kamra tal-Kummerċ għamlet ukoll żewġ rakkomandazzjonijiet importanti: l-introduzzjoni ta’ reġistru għal-Lobbying u l-introduzzjoni ta’ reġistru għat-trasparenza. Ir-reġistru dwar il-lobbying mhux biss ikollu l-funzjoni li jiddefinixxi r-rwoli li persuni jkollhom imma wkoll iżomm rassenja tal-laqgħat li jsiru ma’ politiċi, uffiċjali għolja u persuni fil-qasam tal-kummerċ. Ir-reġistru għandu jkun miftuħ għall-iskrutinju tal-pubbliku u fejn ikun hemm tassew ħtieġa ta’ kunfidenzjalità, bħal f’każ ta’ sigurtà nazzjonali, għandu jkun mgħarraf l-Ombudsman. Dwar ir-reġistru tat-trasparenza, il-Kamra tal-Kummerċ irrakkomandat il-mudell Irlandiż u qalet li se tippromwovi dan fost il-membri tagħha.

Huwa interessanti li l-Prim Ministru Robert Abela ħatar lil Edward Zammit Lewis bħala Ministru għall-Governanza. Dan żgur jagħmel kuraġġ lill- Kamra tal-Kummerċ għax din kienet waħda mill-proposti oriġinali tad-dokument. Il-Kamra tal-Kummerċ żiedet li l-Prim Ministru l-ġdid għandu jifli sew kuntratti u konċessjonijiet kbar li saru f’dawn l-aħħar seba’ snin u jekk ikun hemm provi jara li dawn ikun investigati u konklużi fl-iqsar żmien possibbli.