Il-Kamra tal-Kummerċ tappella għal aktar roħs fil-kontijiet tal-enerġija

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapiża Anton Borg appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex il-Gvern jikkunsidra iżjed roħs fil-kontijiet tal-enerġija hekk kif il-prezz għal barmil żejt niżel għal $30 u mhux aktar $100.
Huwa saħaq li Malta ma tistax tibqa’ tinjora sinjali dwar il-kompetittività bħalma huma rankings tal-World Economic Forum u tal-Bank Dinji.
Anton Borg qal li l-Kamra qed tipproponi li jinħoloq kumitat apposta għas-Saħħa li jinkludi membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni taħt it-tmexxija tal-President.
Dan għaliex skont il-Kamra is-settur tas-saħħa qed ifalli milli jilħaq firxa ta’ persuni li għandhom bżonn kura partikolari u dan qed iwassal biex il-President iddur għall-ġenerożità tal-poplu.
Dwar l-enerġija, fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qed iħares lejn l-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija u kif il-prezzijiet residenzjali tad-dawl u l-ilma huma fost l-irħas fl-Ewropa.
Waqt id-diskussjoni mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, Joseph Muscat ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin huwa mistenni li tintemm l-ewwel fażi tal-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru.
Qal li fl-Air Malta qed tinħass il-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri importanti u saħaq li l-Gvern irnexxilu jsalva lill-Enemalta u hekk se jagħmel ukoll bl-Air Malta.
Il-Prim Ministru tkellem fuq l-importanza li l-Air Malta jkollha sieħeb strateġiku u ddeskriva l-ħtieġa li jkollna linja nazzjonali tal-ajru li tgħaqqad lil Malta mal-kumplament tad-dinja u kif għandhom jiġu kkunsidrati swieq oħra bħall-pajjiżi Afrikani u l-Lvant Nofsani.
Dwar is-saħħa, Joseph Muscat tkellem dwar l-investiment ta’ 200 miljun fi sptar ġdid f’Għawdex u riforma fil-kura primarja.
Irrimarka li l-problema li kien hawn tal-mediċini out of stock ġiet solvuta.