Il-Kamra tal-Kummerċ Taljana f’Malta tiddiżassoċja ruħha minn kliem Schembri

Aġġornat 07:29 AM
Miguela Xuereb

Il-Kamra tal-Kummerċ Taljana f’Malta, rikonoxxuta mill-Gvern Taljan, qalet li tinsab maħsuda bi kliem il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, u ddiżassoċjat ruħha minn kliemu, meta dan qal li jekk ħaddiema barranin jitkeċċew, dawn se jiġu deportati.

Ilbieraħ fil-Parlament, il-Ministru għall-Ekonomija qal li l-għada li tgħaddi l-pandemija tal-coronavirus, l-ekonomija tal-pajjiż mhux se tkun l-istess kif kienet xahar ilu.

Schembri qal li jaf bil-każijiet tal-ħaddiema barranin fil-qasam tat-turiżmu li diġà tilfu xogħolhom, kif semma l-Membru Parlamentari Beppe Fenech Adami, iżda “charity begins at home” u l-miżuri primarjament se jkunu biex jipproteġu l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kamra, li tirrappreżenta lin-negozjanti Taljani f’Malta, fakkret lill-Ministru li l-barranin li joqogħdu f’Malta jikkontribwixxu ta’ kuljum għas-suċċess tal-ekonomija Maltija. Fakkritu wkoll li bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea, għandhom id-dritt li jaħdmu u jgħixu fejn jixtiequ fil-pajjiżi membri tal-UE. Saħqet li jekk Malta tiddeporta lil dawn il-ħaddiema, tkun qed tinkiser il-liġi tal-UE.

Kompliet tinsisti li f’dan il-mument, il-ħsieb ewlieni għandu jkun is-salvagwardja tas-saħħa ta’ kulħadd, u mhux il-firda bejn il-Maltin u l-barranin. Il-Kamra tal-Kummerċ temmet tgħid li l-coronavirus ma jiddistingwix bejn in-nazzjonalitajiet.

“Ir-rispett lejn ix-xogħol u min jagħmlu għandu jintwera dejjem” – Cacopardo

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika (AD) Carmel Cacopardo qal li wieħed dejjem għandu juri rispett lejn ix-xogħol u lil min jagħmlu.

“Il-Ministru Silvio Schembri, l-bieraħ, fil-Parlament, kien qed jitkellem fuq il-ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li qed jaħdmu f’Malta u li tilfu jew ser jitilfu l-impieg tagħhom riżultat dirett tal-impatt tal-mixja tal-coronavirus. Tkellem b’nuqqas ta’ rispett lejn min ta’ servizz u kontribut lejn l-ekonomija Maltija tul is-snin. Minn Ministru mill-Partit tal-Laburista, il-partit tal-ħaddiema, kont nistenna mod ieħor!” qal Cacopardo.

“Fl-istess nifs li qiegħed jitkellem b’dan il-mod, Silvio Schembri qiegħed jinsa’ li anke is-servizz li qiegħed jagħtina bħalissa id-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta huwa dipendenti ukoll fuq numru mdaqqas ta’ ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li flimkien mal-ħaddiema Maltin qed jagħtu servizz impekkabbli u b’dedikazzjoni kbir,” żied jgħid Cacopardo.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn