Il-Kamra tal-Kummerċ ittenni li l-Gvern għandu jissospendi l-iskema tal-passaporti

Il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-Gvern sabiex jissospendi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u biex jimplimenta skema oħra minflokha.

Waqt laqgħa virtwali li saret bejn il-Kamra tal-Kummerċ u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat, il-Kamra għamlet sett ta’ proposti bil-għan li dawn isaħħu l-Programm Individwali tal-Investituri biex jassiguraw li dan ikun konsistenti mal-miżuri meħuda mill-pajjiż biex itejjeb ir-reputazzjoni.

Fi stqarrija ġie spjegat li dawn il-proposti ġew minn dokument għall-governanza tajba mħejji mill-Kamra tal-Kummerċ li hija ppreżentat lill-Gvern f’Jannar li għadda.

Fil-proposti tagħha, il-Kamra tenniet is-sejħa li l-iskema għandha tiġi sospiża sakemm titnieda skema oħra ġdida u aktar b’saħħitha. Din l-iskema l-ġdida, skont il-Kamra, għandha tara li jkun hemm bidliet għat-tul tar-residenza effettiva rekwiżita mill-persuna li tapplika għaċ-ċittadinanza Maltija, kif ukoll għat-titjib tal-kriterji marbutin mar-rekwiżit tal-kiri ta’ propjetà.

Il-Kamra saħqet li l-kiri ta’ propjetà għandu jkun adekwat u addattat għall-applikant. Issuġġeriet ukoll titjib tal-proċessi tad-diliġenza dovuta, flimkien ma’ promozzjoni aħjar tal-iskema.

Is-Segretarju Parlamentari laqa’ l-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ, u wiegħed li l-Gvern jibqa’ jikkonsulti magħha huwa u jiddisinja skema ġdida.

Il-President tal-Kamra David Xuereb qal li filwaqt li japprezza kemm iddaħħal flus l-iskema IIP li ntużaw għall-ġid b’rabta mal-imxija tal-coronavirus, programmi bħal dawn m’għandhomx jipperikolaw ir-reputazzjoni tal-pajjiż, imma jservu ta’ struttura li tappoġġjaha.