Il-Kamra tal-Kummerċ imħassba bis-sitwazzjoni tal-Oppożizzjoni

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ temmen li biex pajjiż ikun b’saħħtu għandu bżonn li jkollu Gvern b’ saħħtu u oppożizzjoni b’saħħitha.

Dan qalu waqt Newsbook Hour fuq 103, David Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ, waqt li sostna li s-sitwazzjoni preżenti fl-Oppożizzjoni bla dubju toħloq tħassib. “Pajjiżna, biex ikun b’saħħtu għandu bżonn li jkollu gvern b’saħħtu u tant ieħor oppożizzjoni b’saħħitha” kompla jgħid.

Fisser li biex ikollok ekwità u metodi ġusti, f’pajjiż irid ikollok l-leaders u c-checks and balances politiċi, apparti r-regolaturi.

David Xuereb insista li pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni li tkun organizzata, b’saħħitha u rispettata: “għandu bżonn oppożizzjoni vokali, strutturata, onesta u tirrifletti li hi b’saħħitha inkluż li jkollha r-riżorsi”. Saħaq li fil-mument dan mhux il-każ u titfa’ r-responsabilita fuq il-Kamra tal-Kummerċ bħala organizzazzjoni fil-ħidma tagħha biex tagħmel il-parti tagħha.

Dokument ta’ 60 rakkomandazzjoni lill-President

Intant, aktar kmieni fi stqarrija, il-Perit Xuereb, saħaq li l-irwol tal-President għandu jinbidel b’mod li jkollu aktar poteri eżekuttivi. Fisser li f’laqgħa li l-Kamra tal-Kummerċ kellha mal-President George Vella, ippreżentaw dokument ta’ aktar minn 60 rakkomandazzjoni bil-għan li titnaddaf ir-reputazzjoni ta’ Malta.

L-istqarrija tgħid li l-istess dokument għandu l-għan li jservi ta’ gwida valida għall-Gvern, biex iwettaq ir-riformi meħtieġa.