In-noll tal-mina bejn Malta u Għawdex jista’ jkun mal-€10

Studju dwar il-mina bejn Malta u Għawdex wera li jekk in-noll ikun ta’ €10, il-mina kapaċi tagħmel qliegħ ta’ 5.25% fis-sena u għalhekk tkun tista’ titħallas l-ispiża inizjali.
Minn rapport li ġie kkummissjonat mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u Transport Malta ġie stabbilit li link permanenti bejn Malta u Għawdex hija ekonomikament vijabbli.
Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport f’lukanda f’Għawdex, l-ekonomista Gordon Cordina spjega li dar-rapport huwa l-ewwel pass għall-possibilità li tiġi mibnija link fissa li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer.
L-ekonomista qal ukoll li fuq medda ta' 20 sena, mina tħalli benefiċċju ekonomiku ta' €618-il miljun fl-ekonomija nazzjonali. Dan jiġi minn aspetti ta' ħin, ambjent u anke l-aspett monetarju.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet ukoll li qed tistenna li jsiru l-istudji ġeoloġiċi u ambjentali u anke dawk soċjali biex tiddetermina l-pass li jmiss għal din il-proposta li possibilment se tgħin fl-ekonomija ta’ Għawdex.