Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kontra referendum fuq il-mina bejn Malta u Għawdex

Kif suġġerit mill-Kap tal-Oppożizzjoni

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qed topponi dak li ssuġġerixxa l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li jsir referendum fuq il-mina bejn Malta u Għawdex.

Grech irrefera għal dan fid-diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda f’Għawdex, l-ewwel diskors tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista f’din il-gżira. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista kieku jagħmel referendum biex jara jekk l-Għawdxin iridux mina bejn iż-żewġ gżejjer. Semma kif 3,500 Għawdxi jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum, numru li kważi ttrippla mill-1,500 persuna fis-snin li għaddew, minkejja l-wegħda tal-Gvern li jinħolqu aktar xogħlijiet f’Għawdex.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija stqarret li referendum bħal dan jitfagħna lura s-snin, billi issa laħaq sar ħafna xogħol fuq il-mina – diversi studji fuq il-proġett, il-pubblikazzjoni ta’ kwestjonarju, kif ukoll sottomissjonijiet minn bosta nies. Għalhekk, referendum ma jkunx xieraq. Pass bħal dan, qalet il-Kamra, missu ttieħed meta l-proġett kien inkluż fl-aġenda politika nazzjonali fil-bidu. Issa, il-vijabbiltà u l-kontinwazzjoni tal-proġett għandhom ikunu determinati biss permezz tal-istudji tekniċi li saru u qegħdin isiru, saħqet il-Kamra.

Il-Kamra spjegat li l-mozzjoni fuq il-mina tressqet fil-Parlament fis-17 t’April tal-2019, u ġiet approvata miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati. Hija sejħet “inaċċettabbli” t-tbagħbis ta’ proġett importanti u fit-tul bħal dan li għandu ħafna benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija Għawdxija.

Il-Kamra tal-Kummerċ temmen li dan il-proġett jelimina l-inugwaljanzi li hemm bejn l-ekonomija Maltija u dik Għawdxija. Temmen ukoll li dan il-proġett iwassal biex aktar nies ikunu jridu jgħixu f’Għawdex mingħajr ma jkollhom għalfejn jinkwetaw fuq il-limitazzjonijiet fiżiċi.