Il-Kamra tal-Ispiżjara tingħaqad mal-għajta għal lockdown ta’ Malta

People wearing face masks amid concerns about the spread of coronavirus disease (COVID-19) outbreak are pictured at the premises of Boudhanath Stupa in Kathmandu
People wearing face masks amid concerns about the spread of coronavirus disease (COVID-19) outbreak are pictured at the premises of Boudhanath Stupa in Kathmandu, Nepal March 14, 2020. REUTERS/Navesh Chitrakar

Il-Kamra tal-Ispiżjara ngħaqdet mal-għajta għal lockdown fil-pajjiż. Fi stqarrija mibgħuta lill-midja, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li minkejja li miżura tat-tip jaf titqies bħala waħda drastika minn xi wħud, hija l-unika mod kif wieħed iwaqqaf it-tixrid tal-virus b’mod immedjat.

Il-Kamra tal-Ispiżjara ngħaqdet ma’ diversi għajtiet għal lockdown preċedenti li saru mis-CMTU, MAM, MUBE, il-UĦM u unjins oħrajn kif ukoll l-Oppożizzjoni. Sostniet li t-talba għal lockdown immedjata u twaqqif tal-ivjaġġar kollu se twassal biex titnaqqas iż-żieda tal-każi tal-COVID-19 u r-riskju tal-firxa tiegħu qalb il-popolazzjoni.

Insistiet li din id-deċiżjoni se tissalvagwardja lill-popolazzjoni u lil dawk kollha li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa li f’każ li jkun hawn żieda drastika ta’ każi se jkunu huma li jkollhom jaffaċċjaw is-sitwazzjoni mil-lat mediku.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela ta l-parir li l-pajjiż ma jmurx għal lockdown minn issa għax għad m’hemmx bżonn li dan isir.

Is-servizz tal-ġurnal il-Leħen affettwat minħabba COVID-19

Intant, l-Azzjoni Kattolika Maltija ħabbret b’dispjaċir li minħabba l-isfida tal-virus COVID-19, ittieħdet id-deċiżjoni li s-servizz tal-gazzetta “Il-Leħen” ma jistgħax jibqa’ jingħata bil-mod li kien jingħata s-soltu. Qalet li l-prijorità hija li tassigura li tħares is-saħħa tal-impjegati u l-voluntiera tagħha fid-dawl tad-direzzjonijiet mogħtija mill-Awtoritajiet Ċivili u Ekkleżjali.

Qalet li ntlaħaq ftehim mal-istampatur biex il-gazzetta tal-lum tiġi stampata u tkun fil-ħwienet bħas-soltu. Intant, dawk li huma abbonati se jirċievu l-gazzetti bil-posta it-Tnejn u t-Tlieta. Intant, għall-edizzjonijiet ta’ wara, qed issir diskussjoni dwar jekk dawn jistgħux jinħadmu mid-djar, mingħajr il-bżonn li l-persuni joħorġu u jmorru l-uffiċċju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn