Il-Kamra tal-Ispiżjara tikkumenta fuq x’intqal mill-AD. L-AD tirreaġixxi

Il-Kamra tal-Ispiżjara saħħqet li l-AD għandha tkun taf li Malta addottat il-prinċipju tal-organizzazzjoni ġeo-demografika biex b’hekk ikun żgurat aċċess għal servizzi framċewtiċi f’Malta u Għawdex. Il-Kamra kompliet tgħid li permezz ta’ dan il-proċess, diversi spiżeriji ġodda nfetħu fi rħula żgħar li ma kienux moqdija, speċjalment f’Għawdex.

L-AD għandha tkun taf ukoll li l-Kummissjoni Ewropea hija kontra l-idea li l-ispiżeriji huwa ħwienet normali u l-mediċini huma oġġetti ordinarji. L-istess Kummissjoni saħqet li għandha tiġi żgurata l-kwalità u s-sigurtà, kompliet l-istess Kamra.

Il-Kamra tal-Ispiżjara tenniet li m’hemmx bżonn li mediċini jibdew jinbiegħu minn postijiet oħra barra mill-ispiżeriji. Kompliet tgħid ukoll li l-leġislazzjoni Maltija tgħid li l-ispiżeriji għandhom jiftħu minn tal-inqas sitt siegħat kuljum għal sitt ijiem fil-ġimgħa, b’roster apparti għal Ħdud.

Il-Kamra tal-Ispiżjara żiedet tgħid li s-sistema ‘L-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek’ diġa ddiċentralizzat il-proviżjoni tal-mediċina tal-Isptar Mater Dei lil ispiżeriji kommunitarji.

Intant b’reazzjoni għal dak li ntqal, iċ-Ċhairperson tal-AD Michael Briguglio qal li l-AD tipproponi leġislazzjoni li tassigura prezzijiet irħas u riforma fl-importazzjoni tal-mediċina biex jonqsu l-prezzijiet.

Dr Briguglio qal li liċenzji għandhom jinħarġu biex ċertu mediċini li m’għandhomx bżonn preskrizzjoni ikunu disponibbli minn ħwienet li mhux bilfors ikunu spiżeriji. Huwa qal li din is-sistema ġiet implimentata fl-Ingilterra, l-Italja u l-Ġermanja.

Il-liċenzjar ta’ spiżeriji għandu jkun irriformat biex b’hekk jinħarġu iżjed liċenzji għal ftuħ ta’ spiżeriji ġodda biex tikber l-aċċessibiltà u l-effiċjenza, kompla Dr Briguglio. Huwa saħaq li għandu jkun hemm skema fejn numru ta’ spiżeriji jibqgħu miftuħin il-ġurnata kollha.

Dr Briguglio qal li l-iskema ‘L-Ispiżjar Tal-Għażla Tiegħek’ għandha tiġi estiża biex dawk li qegħdin igawdu minnha ma jsibux ruħhom f’sitwazzjoni fejn il-mediċina ma tkunx disponibbli. Barra minn hekk, il-pazjenti jkunu jistgħu jiġbru l-mediċini minn kwalunkwe spiżerija.