Il-Kamra tal-Ispiżjara tappella biex jibqgħu jintużaw il-maskri fl-ispiżeriji

Miguela Xuereb

Read in English.

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-użu tal-maski u d-distanza soċjali mhux se jkunu legalment enforzati, il-Kamra tal-Ispiżjara qed tinsisti li l-użu tal-maskri fl-ispiżeriji u l-kliniċi għandu jibqa’ fil-protokoll.

Fi stqarrija konġunta bejn il-Kamra tal-Ispiżjara u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, kien irrakkomandat biex l-ispiżeriji jkomplu jsegwu l-protokolli li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa u s-sigurtà b’rabta mal-coronavirus. Il-Kmamar qalu li l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li l-protokolli li għandhom x’jaqsmu mal-pandemija se jibqgħu enforzati legalment anke wara li titneħħa l-emerġenza tas-saħħa pubblika.

Huma spjegaw li l-protokolli ħarġu taħt l-Att tas-Saħħa Pubblika u mhux taħt l-istatus ta’ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika. Minħabba f’hekk, anke jekk il-gvern iħabbar li l-emerġenza tneħħiet, il-protokolli jibqgħu fis-seħħ.

B’hekk, il-Kmamar appellaw lill-membri tagħhom biex jinfurzaw dawn id-direttivi:

  • L-użu tal-maskri u l-visors mill-istaff u l-klijenti kollha fl-ispiżeriji
  • L-użu tal-maskri mis-salespersons u d-delivery persons li jżuru l-ispiżeriji
  • Diżinfettar tal-idejn (permezz ta’ sanitisers) ta’ dawk kollha li jidħlu fl-ispiżeriji
  • Spiżerija ma jistax ikollha aktar minn żewġ pazjenti ġewwa
  • Trid tinżamm distanza ta’ żewġ metri mill-counter u persuni oħrajn
  • Persuna ma tistax iddum aktar minn 10 minuti fl-ispiżerija

L-istqarrija kienet iffirmata mill-President tal-Kamra tal-Ispiżjara Mary Ann Sant Fournier u l-President tas-Sezzjoni tas-Sidien tal-Ispiżjari fi ħdan il-Kamra tal-SMEs Mario Debono.