Il-Kamra tal-Ispiżjara ma tikkundannax it-tariffa ta’ €15 għas-‘siġġu’

Il-Kamra tal-Ispiżjara ma kkundannatx it-tariffa ta’ €15 li xi kliniċi jitolbu lill-pazjenti li jmorru għand tabib jew speċjalista li jpoġġu għandhom.
Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, wara lmenti minn semmiegħa ta’ RTK, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li l-pazjent illum għandu għażla, fejn ċertu spiżeriji ma jżommux tariffi.
Kienu bosta li kkummentaw dwar tariffi għolja, tant li uffiċjal mid-Dipartiment tal-Konsumatur li kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet tas-semmiegħa fuq RTK, talbet lill-Kamra tal-Ispiżjara biex tindaga t-tariffi.
Il-Kamra qalet ukoll li l-irwol tagħha huwa li tiggwida lill-ispiżjara, inkluż dawk sidien ta’ spiżeriji, biex ikunu professjonali u etiċi f’xogħolhom.
Iżda waqt li saħqet li spiżjar għandu jeżerċita il-moderazzjoni, irrimarkat li kull spiżerija li toffri s-servizz ta’ tabib għandu jkollha l-libertà li tistabbilixxi tariffa “li tkun aċċettabbli fid-dawl tar-realtà soċjoekonomika li ngħixu fiha”.
Dwar jekk it-tariffa ta’ €15 għas-servizz hijiex aċċettabbli f’dan id-dawl, kulma qalet il-Kamra tal-Ispiżjara kien li għandha tinħareġ irċevuta separata u li spiżerija għandha tinforma lill-pazjent li se jkun mitlub tariffa għall-klinika.