Il-Kamra tal-Avukati trid tqajjem dibattitu nazzjonali dwar is-saltna tad-dritt

Il-Kamra tal-Avukati se tikkummissjona studju dwar is-saltna tad-dritt sabiex teżamina x’jeħtiġilha l-infrastruttura legali tal-pajjiż, u dan fid-dawl tal-perċezzjoni tan-nies li s-saltna tad-dritt marret il-baħar.
Huwa ppjanat li wara li jitlesta dan l-istudju u jiġi ppubblikat, sal-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla l-Kamra tvara konferenza nazzjonali bil-proposti tagħha.
Intqal fi stqarrija mill-avukati li bħala professjonisti jħossuhom imħassba għall-fatt li s-saltna tad-dritt tinsab taħt pressjoni li ddeskrivewha bħala “bla preċedent”.
Saħqu li huwa kruċjali li f’pajjiż demokratiku n-nies tkun konvinta li l-mekkaniżmi biex tirrenja s-saltna tad-dritt qed jaħdmu kif sippost.
Skont l-avukati, l-istudju se janalizza bir-reqqa d-defiċjenzi strutturali fil-liġijiet tal-pajjiż u n-nuqqasijiet fil-mekkanizmi li huma intiżi biex joħolqu bilanċ bejn u fl-organi tal-istat.
Żiedu jgħidu li dawn l-istrutturi li sippost jassiguraw is-saltna tad-dritt huma antikwati, li trabbiet kultura li kollox jgħaddi, fejn il-qligħ u l-vantaġġi monetarji ħadu prijorità fuq affarijiet oħra, bħalma hi s-saltna tad-dritt.
L-avukati temmew jgħidu li b’din l-inizjattiva jixtiequ jqanqlu dibattitu nazzjonali dwar kif tista’ tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.