Il-Kamra tal-Avukati trid lista ta’ avukati li jinsabu fi kwarantina

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Kamra tal-Avukati bagħtet email lill-membri tagħha fejn infurmathom li lesta li taħdem fuq lista ta’ avukati li bħalissa jinsabu fi kwarantina, u tqassamha lill-membri tagħha. Qalet li dan isir b’mod volontarju u l-ismijiet ikunu ċċirkolati biss jekk l-avukat fi kwarantina jagħti permess biex il-Kamra tal-Avukati tagħmel dan.

Fl-email, li wasal għand din il-kamra tal-aħbarijiet, il-Kamra tal-Avukati qalet li saret taf b’diversi avukati li ħarġu pożittivi għall-coronavirus. Madanakollu, dan ma kienx qed ikun ikkomunikat b’mod uffiċjali u kien qed jasal għand dawk ikkonċernati permezz ta’ għajdut fil-kurituri tal-qorti.

Il-Kamra nnutat li s-sitwazzjoni kurrenti u n-nuqqas ta’ informazzjoni qed tikkrea ċertezza u apprensjoni qalb l-avukati li jridu jattendu għall-kawżi fil-qorti. Żiedet tgħid li fl-ispirtu ta’ kolleġjalità fil-professjoni u b’sens ta’ rispett “ikun ta’ benefiċċju jekk ikun hemm proċess aktar sistematiku u trasparenti adottat biex il-membri tagħha li jkunu kollegi ta’ persuni pożittivi jkunu infurmati, u dan isir b’urġenza.”

Is-sistema se tkun implementata mill-Kamra tal-Avukati bil-għan li “tiffaċilita” u “tnaqqas l-apprensjoni”.

L-avukati li ħarġu pożittivi għall-virus għandhom jifurmaw lis-segretarjat tal-kamra. Is-segretarjat imbagħad ikun responsabbli li jiċċirkola l-ismijiet tal-avukati li hemm fi kwarantina. Il-Kamra spjegat li dan jippermetti li professjonisti legali jieħdu l-miżuri preventivi neċessarji. Il-Kamra tal-Avukati insistiet li dan kien qed isir b’mod volontarju u l-ebda avukat ma kien se jiġi impost jagħmel dan.

“Madanakollu, kull min tpoġġa fi kwarantina minħabba raġunijiet attribwiti lill-coronavirus qed jingħata l-opportunità li jinforma lill-Kamra, biex ikun possibbli li tiċċirkola informazzjoni qalb il-membri fl-interess ta’ kulħadd,” jgħid l-email.

L-avukati fi kwarantina jistgħu jinfurmaw ukoll lill-Kamra tal-Kummerċ sabiex isimhom ma jkunx iċċirkulat qalb il-membri. Il-Kamra kkonkludiet billi qalet li dan ċertament mhux proċess ta’ “name-shaming” imma eżerċizzju ta’ lealtà, kolleġjalità u responsabbiltà lejn il-kollegi.

“Il-Kamra messha ħadmet għal smigħ online”

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt nnutaw li l-qorti kienet mimlija bin-nies illum, kemm dawk jistennew fuq barra, kif ukoll fl-awli. Is-sorsu nnutaw li l-Kamra tal-Avukati messha ħadet ħsieb li tipproteġi lill-membri tagħha u li tassigura li dawn jaħdmu f’ambjent sikur minflok ikollhom jidhru f’awli ppakkjati bin-nies u jistennew f’kurituri ppakkjati bin-nies.

Sorsi qalu li l-lista hija eżerċizzju ta’ naming and shaming, u stressjaw li l-Kamra messha ħadmet mal-Gvern biex tintroduċi smigħ online.

L-Erbgħa, il-Parlament unanimament approva Abbozz li se jippermetti li wieħed jattendi għal smigħ fil-Qorti permezz ta’ video-conferencing li jkun live, f’ċerti ċirkustanti. Il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi qal li kemm il-Kamra tal-Avukati, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista, ilhom jipproponu miżuri tat-tip minn Mejju li għadda.

Propju llum kien irreġistrat numru rekord ta’ infezzjonijiet ġodda, dak ta’ 112-il każ. Intant, it-total ta’ każi attivi laħaq l-1,009. L-ogħla rata li qatt kien minn meta feġġet il-pandemija fil-pajjiż.