Il-Kamra tal-Avukati titlob għas-sospensjoni tad-Direttur tal-Ħabs

Wara l-imġiba tiegħu mal-Avukat Charles Mercieca

Charles Mercieca Alex Dalli

Il-Kamra tal-Avukati qiegħda titlob lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri sabiex jieħu azzjoni u jinvestiga r-rapport imressaq mill-Avukat Charles Mercieca dwar l-aġir tad-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli miegħu, meta nhar it-Tnejn li għadda dan tellfu minn laqgħa mill-klijent tiegħu Yorgen Fenech b’għajat u tisbit. Il-Kamra qed titlob li Dalli jiġi sospiż sakemm issir inkjesta fuq il-każ.

Dr Mercieca, li hu wieħed mill-avukati ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ressaq ilment quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’rabta mal-episodju tat-Tnejn li għadda. Hu u l-avukati l-oħra ta’ Fenech – Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri – iridu l-protezzjoni tal-Qorti.

Dalli oġġezzjona li Dr Mercieca jiddiskuti xi karti mal-klijent tiegħu fil-laqgħa tagħhom it-Tnejn li għadda. Heddu li jew jagħmel li jrid hu, inkella jkollu jitlaq. Huwa għolla leħnu mal-avukat u bagħat uffiċjali armati għalih meta dan insista li jibqa’ għaddej bil-laqgħa.

B’reazzjoni, il-Kamra tal-Avukati oġġezzjonat u kkundannat l-aġir tad-Direttur u tal-uffiċjali tiegħu. Hija talbet lid-Direttur jieħu r-responsabbiltà kollha tal-kondotta tiegħu, u jekk ma jagħmilx dan, għandu jiġi sospiż sakemm issir inkjesta indipendenti fuq dan il-każ.

Il-Kamra saħqet li “ma tistax, u mhux se taċċetta kondotta da parti ta’ ebda uffiċjal pubbliku li, fi kliemu stess iħoss li huwa ‘l fuq mil-liġi u li juża l-għajat, kliem ħazin, u l-preżenza ta’ uffiċjali oħra subordinati tiegħu biex f’attentat ta’ dimostrazzjoni ta’ forza jintimidaw avukat li kien qiegħed sempliċiment jaqdi d-doveri tiegħu lejn il-klijent tiegħu.”

Sejħu l-aġir tad-Direttur “ostruzzjoni ċara u lampanti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja minn uffiċjal tal-qorti; u abbuż  ta’ poter, b’kondotta intiża biss biex tintimida lill-avukat konċernat.”

Dak li ġara jidher fil-filmati tal-kameras tas-sigurtà tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.