Il-Kamra tal-Avukati titlob għal investigazzjoni f’avukat ta’ Chetcuti Cauchi

Reċentament il-kumpanija tilfet il-liċenzja tagħha biex tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija

Google Maps

Read in English.

Il-Kamra tal-Avukati se tkun qed titlob lill-Kumitat tal-Avukati biex jinvestiga l-aġir ta’ wieħed mill-avukati tad-ditta legali Chetcuti Cauchi Advocates. Dan wara li maġistrat talbet lill-Kamra biex tkun hi li tinvestiga lill-avukat Jean Philippe Chetcuti.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati qalet li kienet diġà qed issegwi dak kollu li kien qiegħed jiġi rappurtat fil-midja dwar il-każ.

Maġistrat reċentament irreferiet l-aġir tal-avukat Jean Philippe Chetucti li jaħdem ma’ Chetcuti Cauchi Advocates għand il-Kamra tal-Avukati. Reċentament il-kumpanija tilfet il-liċenzja tagħha biex tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija wara li ġurnalisti Franċiżi żvelaw li l-avukati ta’ din id-ditta qalu li kienu jafu sew lil għadd ta’ persuni fil-Gvern inkluż il-Prim Ministru.

Bejgħ ċittadinanza: Maġistrat tibgħat avukat quddiem il-Kamra tal-Avukati

Il-Kamra qalet li l-allegazzjonjiet jaqaw fil-kompetenza tal-Kumitat tal-Avukati u Prokaturi Legali. Fil-fehma tal-Kamra, dan huwa l-organu kompetenti biex jikkunsidra u jinvestiga allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ etika professjonali.

“Għalhekk sejra tressaq il-materja għall-investigazzjoni tal-istess Kumitat, mhux biss in konnessjoni ma’ dak indikat mill-Qorti, iżda b’mod aktar wiesgħa u biex il-Kumitat jikkunsidra, wara l-investigazzjoni jekk hemmx ksur ta’ kodiċi tal-etika .  Il-Kamra tħoss li jkun għaqli li tistenna l-eżitu ta’ dik l-investigazzjoni qabel ma tiddeċiedi jekk għandhomx jiskattaw l-mekkaniżmi nterni ta’ dixxiplina dwar membru tal-Kamra.”

Il-Kamra tal-Avukati qalet li avukat jista’ jkun direttur ta’ kumpanija. Iċċarat li r-regola tgħid li hemm xi servizzi li avukat ma jistax jipprovdi f’forma ta’ negozju. Dan għaliex il-prattika tal-liġi għandha titmexxa mill-etika qabel ma titmexxa mill-profitt.