​Il-Kamra ssellem lill-eks deputat Cachia Zammit

Il-Kamra tar-Rappreżentanti, fosthom permezz tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u l-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco, sellmu l-memorja tal-eks deputat Parlamentari Alexander Cachia Zammit, li miet iktar kmieni din is-sena.
Il-Prim Ministru qal li ż-żewġ naħat tal-Kamra jingħaqdu biex jagħtu l-kondoljanzi lill-familja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lil “Sandy” Cachia Zammit għal dak kollu li għamel għall-pajjiż u għal-lokalità tiegħu ż-Żejtun filwaqt li sellem lill-qraba tiegħu li kienu preżenti fil-Kamra.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Vella faħħar il-kontribut ta’ Cachia Zammit lill-politika, il-korrettezza tiegħu u rrakkonta esperjenzi tiegħu peress li kienu ħbieb intimi minkejja li kienu ġejjin minn żewġ naħat differenti tal-politika partiġġjana.
Anke Mario de Marco semma anneddoti ta’ Cachia Zammit bħala deputat u bħala membru tal-Kabinett li rrappreżenta l-Indipendenza ta’ Malta. Fakkar kif bħala ambaxxatur tas-Santa Sede għal 10 snin, Cachia Zammit kien strumentali fl-ewwel żjara ta' Papa f'Malta. 
Anke l-Ispeaker Anġlu Farrugia sellem il-memorja ta' Cachia Zammit, li qal, mar iżuru fil-Parlament kemm ilu li ħa r-responsabiltà ta' Speaker.
Il-Kamra tat il-kondoljanzi wkoll lid-deputat Laburista Chris Agius għall-mewt ta' missieru.