Aġġornata: Il-Kamra tiltaqa’ għada

Aġġornata:
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeċieda li f'każ li l-Kamra taġġorna għal għada, xogħol ta' "Membri Privati" għandu jingħata preċedenza fuq xogħol tal-Gvern "kull nhar ta' Ħamis alternattiv li fih tagħmel is-seduta l-Kamra".
Qal li hu kkonsulta mal-proċeduri tax-xogħol tal-Kamra u ma' deċiżjonijiet ta' Speakers oħra, filwaqt li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra ma kinitx issemmiet il-possibiltà li l-Kamra tiltaqa' l-Ħamis. 
Fl-aġġornament tax-xogħol moqri fi tmiem ir-ruling tal-Ispeaker, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Kamra qed taġġorna ruħha għal għada filgħodu fid-9.00am bl-ewwel item fuq l-aġenda tkun il-kontinwazzjoni tad-diskussjoni dwar l-abbozz ta' liġi dwar l-Enemalta. 

Iktar kmieni: 
Is-seduta tal-Parlament ġiet sospiża għal darb’oħra wara talba mill-Whip tal-PN David Agius għal ruling mill-Ispeaker.
David Agius talab lil Anġlu Farrugia biex jgħid għal meta se taġġorna l-Kamra, biex hu jkun jista’ jippjana l-ħidma tal-Oppożizzjoni. Qal li skont l-Istanding Orders tal-Parlament, hu seta’ jressaq din id-domanda biss waqt is-seduta.
Anġlu Farrugia talbu jikkwota liema Standing Order qed jikkwota bil-Whip tal-Gvern, Carmelo Abela, jgħid li hi prerogattiva tal-Gvern –kif dejjem kienet- li jiddeċiedi meta se jitlaqqa’ l-Parlament.
Waqt l-aħħar laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, Carmelo Abela kien qal li l-Gvern kien qed jissuġġerixxi li l-Parlament jaġġorna għal btajjel tas-sajf wara l-aħħar seduta tal-Erbgħa 16 ta’ Lulju –illum. Dan però jekk il-Parlament ikun laħaq iddiskuta x-xogħol li ressaq il-Gvern fuq l-aġenda.
Wara l-intervent tal-Whip tal-PN, il-kollega tiegħu fi ħdan il-Gvern issuġġerixxa li l-Parlament jiltaqa’ għada. David Agius insista li l-Ħamis hi l-ġurnata ddedikata għax-xogħol tal-Oppożizzjoni.
L-Ispeaker issospenda s-seduta biex ikun jista’ jieħu deċiżjoni.