Il-PL iniedi inizjattiva biex jattira aktar nisa lejn il-politika

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-Ewroparlamentari Miriam Dalli se tmexxi l-inizjattiva Lead biex tattira aktar nisa lejn il-politika.
Waqt il-konferenza ġenerali straordinarja, Miriam Dalli qalet li l-inizjattiva se tkun mifruxa fuq 10 snin u li l-għan tagħha hu li għall-elezzjoni tal-2027, 50% tal-kandidatura tal-PL ikunu nisa.
Spjegat li l-inizjattiva se tkun maqsuma f’diversi fażijiet. Qalet li l-ewwel fażi se tkun immirata għal sentejn oħra, għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Stqarret li għal din l-elezzjoni l-mira hi li l-PL ikollu 40% tal-kandidati nisa, filwaqt li f’tal-Kunsilli Lokali jkun hemm 35%.
Għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, Dr Dalli qalet li l-mira tal-PL hi li jkollu wkoll 35% tal-kandidatura nisa.
Żiedet tgħid li l-mira għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2024, tkun li 50% tal-kandidatura tkun magħmula min-nisa filwaqt li f’tal-Kunsilli Lokali jkunu jammontaw għal 40%.
Miriam Dalli qalet biex jintlaħaq dan l-għan il-PL se joffri servizzi ta’ child care biex jgħin lin-nisa jidħlu għall-politika.
“Bla tibdil, il-partiti politiċi jispiċċaw irrelevanti” – Joseph Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jekk il-politiċi u l-partiti ma jkunux kapaċi jaqraw iż-żminijiet u jwettqu t-tibdil li jkun hemm bżonn, il-partiti politiċi jispiċċaw irrelevanti u jkunu hemm biss għall-elezzjonijiet.
Fid-diskors tiegħu, Dr Muscat irrefera għall-vot tal-bieraħ dwar il-koppji bejn l-istess sess. Iddeskrivieh bħala vot storiku.
Huwa ħeġġeġ lid-delegati biex ma jiddejqux mill-bidliet. Saħaq li meta jieqfu jibdlu tkun il-ġurnata meta l-moviment jibda jfalli, xi ħaġa li tenna li mhux se jħalliha tiġri.
Dr Muscat qal li l-unika falliment tal-PL kien fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ nisa fil-politika.
 “Il-ħinijiet tal-Parlament mhumiex family friendly” – Joseph Muscat
Saħaq li Malta għandha bżonn xokk biex tieqaf l-inġustizzja man-nisa u biex is-sistema tal-Parlament tkun family friendly. Qal li l-ħinijiet tal-Parlament huma addatati għall-avukati u saħaq li dan mhux ġust.
Sostna li l-ħinijiet tal-Parlament mhumiex tajbin għall-ġenituri u li qed iwasslu messaġġ lin-nisa biex ma jidħlux fil-politika.
“Il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista swiet €1,279,830” – Gino Cauchi
Il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista swiet €1,279,830.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit, Gino Cauchi qal li l-PL daħħal €1,370,000 mill-ġbir ta’ fondi.
Cauchi qal li n-nefqa kienet inqas minn dik tal-2013.
Il-konferenza Ġenerali tapprova l-ħatra ta’ sitt eks Deputati Mexxejja bħala Delegati Onorarji
Waqt  il-konferenza ġenerali, l-eks Deputati Mexxejja tal-PL George Abela, Joe Brincat, Joe Debono Grech, Louis Grech, Charles Mangion u George Vella nħatru delegati għal għomorhom.
Fir-riżoluzzjoni li tressqet illejla ġie deċiż li l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia u l-Imħallef Toni Abela ma jinħatrux delegati għal għomorhom b’rispett lejn l-irwoli istituzzjonali tagħhom.