Il-kampanja ta’ Bernard Grech swiet €36,400

Grech se jagħti €15,000 mill-Crowdfunding għall-PN

Bernard Grech

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippubblika r-rapport awditjat tal-finanzi li ntużaw waqt il-kampanja tiegħu għal Kap tal-PN li juri li l-kampanja swiet €36,437.

Dan l-infiq sar fis-sitt ġimgħat bejn is-27 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Ottubru.

Mar-rapport tal-awditur, Bernard Grech ippubblika wkoll rapport finanzjarju li jindika li kważi nofs l-ispejjeż (€17,546) marru għal spejjeż relatati mal-posta.

Fir-rapport awditjat minn NM Group, l-awditur Beppe Muscat qal li ma sab xejn li jista’ jindika li r-rapport finanzjarju ma jagħtix stampa vera u ġusta skont l-Istandard Internazzjonali.

Grech se jagħti €15,000 mill-Crowdfunding għall-PN

Kif kien wiegħed fil-kampanja tiegħu, Bernard Grech mistenni li jgħaddi dak li baqa’ mill-€50,000 li nġabru mill-pjattaforma tal-crowdfunding lill-Partit Nazzjonalista. It-total ta’ flus li baqa’ mill-kapmanja u li se jgħaddu għand il-Partit Nazzjonalista bħala donazzjoni huwa ta’ €14,973. Fir-rapport finanzjarju ġie spjegat li minbarra l-€50,055 li nġabru mill-crowdfunding, il-kampanja rċeviet €1,355 f’donazzjonijiet oħra.

Dawn se jiġu ppreżentati għada waqt il-maratona ġbir ta’ fondi għall-PN.

Grech iffinanzja l-kampanja tiegħu permezz ta’ Crowdfunding fejn fi tlett ijiem ġabar €50,000 mingħand aktar minn 1,300 persuna. Huwa wiegħed li jagħmel u jippubblika l-awditjar tad-dħul u l-infiq tal-kampanja kif ukoll li jgħaddi l-flus li jibqa’ mill-kampanja bħala donazzjoni lill-PN.

Tista’ tara r-rapport sħiħ hawn: