Il-“Kampanja Ħamra” tiġbed l-attenzjoni dwar l-Insara Persegwitati

Knejjes u binjiet storiċi f'dawl aħmar biex ifakkru l-insara persegwitati fid-dinja

Il-fergħa Taljana tal-Organiżazzjoni Kattolika “Aid to Church in Need” nhar it-Tlieta li għadda organizzat kampanja spettakulari bl-iskop li tinġibed l-attenzjoni għal dak li għaddejjin minnu l-insara persegwitati.

Dan isir billi numru ta’ binjiet prominenti jinxtegħlu bi dwal ħomor. F’Venezja, il-Pont Rialto u partijiet mill-Kanal il-Kbir u oħrajn inxtegħlu b’dan il-mod.

L-idea li binjiet prominenti jinxtegħlu aħmar bdiet ftit tas-snin ilu biex jinħoloq sinjal viżibbli bi protesta kontra d-diskriminazzjoni reliġjuża.  Minn dakinhar ‘l hawn, l-idea ta’ Red Wednesday ittieħdet f’diversi pajjiżi. F’Pariġi se ssir fit-22 ta’ dan ix-xahar, f’Barcellona fit-23, F’Sydney u f’Washington fit-28 ta’ dan ix-xahar kif ukoll f’Londra.

F’Barcellona, il-knisja monumentali tas-Sagrada Familia, kif ukoll il-Bażilika tas-Sacro Cuore f’Montmart se jinxtegħlu ħomor filwaqt li fil-Filippini aktar minn 1,300 knisja u 30 skola se jagħmlu sejħa għal-Libertà Reliġjuża u jinxtegħlu aħmar.

Il-Papa Franġisku wera t-tama li l-inizjattiva “Venezja Ħamra” tiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd għall-problema serja tad-diskriminazzjoni li qed isofru l-insara f’diversi partijiet tad-dinja. Hu għamel riferenza partikolari għal Asia Bibi li għalkemm il-Qorti Suprema tal-Pakistan irrikonoxxiet l-innoċenza tagħha, ma tistax titlaq mill-pajjiż.

Il-Papa esprima tislima speċjali liż-żgħażagħ li f’Venezja ħadu sehem f’pellegrinaġġ djoċesan li tmexxa mill-Patrijarka ta’ Venezja li sar qabel il-mixegħal tal-postijiet prominenti b’dawl aħmar.

Il-bieraħ Aid to Church in Need ippublikat l-aħħar rapport dwar “Il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja” u minn issa sal-4 ta’ Diċembru se jsiru diversi laqgħat ta’ talb, konferenzi u kampanji pubbliċitarji madwar id-dinja dwar din it-tema.

“Bħala Organiżazzjoni mpenjata li tgħin lill-insara persegwitati, Aid to Church in Need għandha d-dover li tinsisti fuq id-dritt uman tal-libertà reliġjuża”, spjega Thomas Heine-Geldern, President eżekuttiv tal-Fundazzjoni. “Sfortunatament dan id-dritt uman bażiku qed jinkiser spiss u jolqot lir-reliġjonijiet kollha. Għalhekk qed nistiednu lin-nies madwar id-dinja biex flimkien inqumu niddefendu l-libertà reliġjuża u nagħmlu ġest ta’ solidarjetà li jarah kulħadd”.

Dan hu l-erbatax il-rapport dwar il-Liberta Reliġjuża fid-Dinja u jeżamina s-sitwazzjoni f’190 pajjiż u jirrapporta dwar is-sitwazzjoni legali u l-abbużi li twettqu fil-pajjiżi bejn l-2016 u l-2018.

Fl-aħħar żminijiet, il-każ ta’ Asia Bibi ġibed attenzjoni internazzjonali.  Din il-mara Kattolika li kienet kundannata għall-mewt fuq allegazzjonijiet ta’ dagħa, wara seba’ snin il-ħabs kienet liberata.  Mill-ewwel bdew protesti vjolenti minn estremisti Islamiċi f’numru ta’ bliet Pakistani.  Difensuri tad-Drittijiet Umani f’diversi pajjiżi Ewropej bħalissa qed jagħmlu kampanja biex din l-omm ta’ ħamest itfal titħalla titlaq mill-pajjiż u tingħata ażil f’xi pajjiż ieħor.