Il-kaċċaturi u l-attivisti jikkundannaw il-qtil taċ-ċikonji

BirdLife Malta

L-għaqdiet Kaċċaturi San Ubertu (KSU) u l-BirdLife Malta kkundannaw il-qtil taċ-Ċikonji Bojod ilbieraħ.

F’żewġ stqarrijiet separati, il-KSU u l-BirdLife urew id-dispjaċir tagħhom għall-qtil ta’ dawn l-għasafar protetti. Ilbieraħ il-BirdLife Malta qalet li kaċċatur spara fuq tliet ċikonji bojod (white storks).

Il-KSU qalet li l-maġġoranza tal-kaċċaturi josservaw il-liġi. Madanakollu, il-BirdLife qalet li “l-qtil taċ-Ċikonji Bojod ma kienx inċident iżolat imma xhieda ċara ta’ kemm hi mifruxa l-kaċċa illegali.” Fi kliem il-KSU hija “perċezzjoni qarrieqa li tali atti jseħħu minħabba apatija min-naħa tal Gvern u abbuż sfrenat min-naħa tal-kaċċaturi kollha.” Skont il-KSU dawk li jwettqu l-kriminalità aktarx la għandhom liċenzja u lanqas arma tan-nar reġistrata.

Il-KSU qalet ukoll li l-pieni ħorox fil-liġijiet Maltin qegħdin hemm biex jikkastagaw lill-kriminali. Żiedet tgħid li r-rivizjoni ta’ tali pieni bħala wiegħda elettorali tal-Gvern qed tigi imxekkla minn atti simili.

Il-BirdLife qalet li ilha s-snin tappella lill-Prim Ministru biex iwaqqaf crime unit u stqarret li ma tistax tifhem dan in-nuqqas ta’ ħajra biex din titwaqqaf. Il-BirdLife hija wkoll mħassba bit-tibdil fil-liġi tal-kaċċa tal-fniek propost mill-awtorità tal-għasafar salvaġġi (WBRU) u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri.

“Fil-proposti qed jitolbu biex kaċċatur jitħalla jikkaċċja l-fenek fejn irid, flok f’art privata stabbilita, kif titlob il-liġi bħalissa. Din il-proposta ħa ddgħajjef il-liġi u ħa tagħti lok għal aktar abbuż milli diġà jsir. Jekk din il-proposta tgħaddi l-kaċċaturi jkunu jistgħu jduru bis-senter fejn iridu u jisparaw bil-libertà fuq għasafar flok fuq fniek.”

Skont il-BirdLife, fil-ġimgħat li ġejjin mijiet ta’ tajr tal-priża se jkunu qed ipassu minn Malta. Qalu li l-idea li l-kaċċaturi jirregolaw lilhom infushom falliet u talbu lill-Prim Ministru biex jaġixxi malajr.