Il-kaċċaturi pparteċipaw fil-ħelsien ta’ żewġ fjammingi

Kaċċaturi San Urbertu

Read in English.

Il-kaċċaturi pparteċipaw fil-ħelsien ta’ żewġ fjammingi fir-riserva tal-Għadira. Fi stqarrija l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu qalet li dawn il-fjammingi nstabu minn żewġ kaċċaturi; wieħed minnhom huwa membru ta’ din l-għaqda.

Huma spjegaw li dawn l-għasafar ingħataw lil Environmental Protection Unit (E.P.U.) u dawn għaddewhom lil BirdLife Malta.

L-għaqda spjegat li f’dan iż-żmien tas-sena huwa komuni li l-frieħ jinfirdu minn mal-qatgħa waqt il-migrazzjoni. Żiedu li minħabba n-nuqqas ta’ ambjent u ikel xieraq ikunu jeħtieġu l-intervent tal-bniedem biex jissaħħew u jkunu jistgħu jkomplu jimmigraw lejn l-Afrika.

L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu appellat lill-kaċċaturi u membri tal-pubbliku biex jekk isibu dawn l-għasafar javżaw lil Environment Protection Unit fuq in-numru 119 u jagħtu d-dettalji ta’ fejn instab, it-tip ta’ għasfur u jibqgħu fuq il-post sakemm jaslu l-pulizija.