Il-kaċċaturi Maltin b’appell lill-Kummissarju Vella

F’ittra indirizzata lil Karmenu Vella, li bħalissa qed iservi bħala kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea (EA), l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) saħqet li hemm bżonn jiġi rregolat il-qtil illegali tal-għasafar fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani.
Fl-ittra, il-KSU qalu li l-Unjoni Ewropea mhix tagħmel dak kollu neċessarju sabiex tipprevjeni dawn “l-attroċitajiet”. Jinsistu li dan in-nuqqas ta’ kontroll fuq l-għasafar li jemigraw fil-ħarifa u fir-rebbiegħa ma jistax jibqa’ jseħħ.
Fl-ittra kitbu kif il-kaċċaturi Ewropej għandhom fl-interess tagħhom is- sostenibbiltà tal-ispeċi li jikkaċċjaw, u saħqu li l-kaċċaturi Maltin urew dan billi waqfu temporanjament il-kaċċa fuq il-gammiem fir-rebbiegħa filwaqt li llimita l-kaċċa fuq speċi oħra.
Filwaqt li qalu li f’Malta qed issir ħidma kbira sabiex jimxu mad-direttivi tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-għasafar, irrimarkaw li huwa pass insinjifikanti jekk l-istess sanzjonijiet mhux se jkunu nfurzati mill-Unjoni Ewropea stess.
Ritratt: Green Prophet