Il-kaċċaturi jitolbu deċiżjoni dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa

Shot-Osprey-recovered-from-Xagħra-Gozo_Nik-Barbara

Read in English.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti qed titlob lill-Gvern biex jieħu deċiżjoni kwalifikata dwar jekk din is-sena hux se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Fi stqarrija, l-FKNK qalet li fl-10 ta’ Marzu li għadda, ressqet lill-Ministru Clint Camilleri, il-proposti tagħha sabiex jinfetaħ staġun limitat fir-rebbiegħa 2020 għall-kaċċa tas-summiena u tal-gamiema. Fissret li l-kaċċaturi bħalissa jinsabu fuq ix-xwiek biex ikunu jafu jekk il-Gvern hux se japplika deroga biex jippermetti l-kaċċa f’April li ġej, fuq il-parametri li ssottomettiet.

Il-Federazzjoni ħasset li għandha tiċċara ċertu affarijiet, fosthom:

  • •       Minħabba ċirkostanzi diversi, inkluż il-pandemija tal-COVID 19, il-Kumitat Ornis Malta għadu ma  nħatarx;
  • •       Il-Kumitat Ornis jagħmel rakkomandazzjonijiet, inkluż dwar l-applikazzjoni ta’ deroga/i lill-Ministru, liema rakkomandazzjonijiet jaqgħu fid-diskrezzjoni tal-istess Ministru jekk għandux iġibhom fis-seħħ;
  • •       Il-Ministru għandu perjodu stabbilit bil-liġi, minn meta jirċevi rakkomandazzjoni mill-Kumitat Ornis, biex iħabbar l-applikazzjoni ta’ deroga.  Madankollu, l-istess leġislazzjoni tippermetti eċċezzjoni minn din ir-regola f’ċirkostanzi speċjali, u deroga tista’ tiġi applikata sa jumejn qabel jiftaħ staġun tal-kaċċa/insib;
  • • Il-Ministru għandu s-setgħa jilleġiżla, f’dan il-każ, japplika deroga(i), anki jekk ma jkollux rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Ornis.

Birdlife Malta b’appell lill-Prim Ministru

Intant, l-għaqda Birdlife Malta qed tappella lill-Prim Ministru biex ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa “għax il-kaċċaturi mhumiex klassi privileġġjata tas-soċjetà”.  Fissret li hu assurd li f’dan il-mument delikat il-Gvern jikkunsidra b’xi mod li jiftaħ l-istaġun. Żiedet tgħid li mijiet ta’ kaċċaturi huma konxji ta’ din is-sitwazzjoni  tant li qed jabbużaw min-nuqqas ta’ preżenza tal-pubbliku u l-pulizija fil-kampanja, biex jagħmlu li jridu.

BirdLife Malta fakkret li fl-aħħar ġimgħat osservat diversi illegalitajiet kemm ta’ kaċċa kif ukoll ta’ nsib. Qalet li dawn l-inċidenti l-iktar li kienu frekwenti kien f’Għawdex, meta l-istaġun jinsab magħluq.

Spjegat li fl-aħħar jiem inġabru diversi għasafar tal-priża, inkluża Arpa, li kollha kienu kkonfermati milqutin b’tiri ta’ senter.