Il-kaċċaturi jgħidu l-Kummissjoni Ewropea trid tneħħi l-isparar biċ-ċomb

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti kitbet lis-sitt Ewroparlamentari Maltin biex jivvutaw kontra r-restrizzjoni tal-użu ta’ sparar ta’ ċomb fuq artijiet qrib l-għadajjar.

L-FKNK qalet li l-proposta tal-KE hija interferenza serja mal-prinċipji tal-liġi ta’ l-UE u ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ aktar minn 10,000,000 kaċċatur u tiraturi sportivi Ewropej, inkluż madwar 20,000 Malti u Għawdxi. 

Taħt dan ir-regolament propost, kull ċittadin li jġorr munizzjon ikkargat biċ-ċomb sa 100m ta’ xi għadira ta’ ilma jkun preżunt ħati u jkun meħtieġ jipprova l-innoċenza tiegħu huwa stess. Il-kaċċaturi qed jgħodu li dan jaqleb id-drittijiet tradizzjonali tal-proċess dovut, li huma mnaqqxa fil-liġi tal-UE.

Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, se jkun impossibbli li ssir distinzjoni bejn l-isparar/il-kaċċa ħdejn artijiet mistagħdra u dawk mhux mistagħdra minħabba kif l-artijiet mistagħdra huma definiti f’din il-proposta.

L-FKNK qalet li l-KE injorat il-parir tal-aġenzija xjentifika tagħha stess, hemm problemi legali oħra bil-proposta inkluż ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

Il-kaċċaturi ħeġġet bil-qawwa kollha lill-Ewroparlamentari Maltin biex jekk jittieħed vot fuq il-mozzjoni mressaq mill-KE l-ġimgħa d-dieħla, sabiex jivvutaw biex l-proposta tintbagħat lura għand il-Kumitat REACH (l-Aġenzija Xjentifika tal-KE) għal aktar xogħol u emendi adekwati biex ikun hemm liġi li taħdem u tkun tista tiġi enforzata fil-prattika.