Il-kaċċaturi jeħduha kontra Birdlife minħabba laqgħa fi Brussell

L-għaqdiet tal-kaċċaturi qalu li Birdlife Malta qiegħda tagħmel il-ħsara lil Malta billi tmur tiddiskuti l-Kaċċa fir-Rebbiegħa mal-istituzzjonijiet Ewropej.
Wara li lbieraħ, uffiċjali ta’ Birdlife pparteċipaw f’laqgħa organizzata fil-Parlament Ewropew fi Brussell bit-tema ewlenija tkun il-Kaċċa fir-Rebbiegħa f’Malta, l-għaqdiet tal-kaċċaturi f’Malta qal li d-diskussjoni kienet iddominata minn kritika nġusta, qarrieqa u giddieba kontra l-Gvern Malti, l-Pulizija Maltija, il-Gżejjer Maltin u l-poplu nġenerali Malti.
Spjegaw li dan sar b'enfażi kontra l-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin.
Minn Birdlife Malta tkellem il-Maniġer għal Konservazzjoni Nicholas Barbara.
Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), il-Kaċċaturi San Ubertu u l-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni fi stqarrijiet differenti ħaduha kontra l-Birdlife għax marret Brussell tipparteċipa f’laqgħa dwar il-kaċċa.
L-FKNK qalet li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati mill-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Kaċċa u Konservazzjoni fl-Ewropa.
Minħabba li din l-attività fi Brussell ġiet organizzata mill-MPE Olandiża, il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione kien ikkwotat jgħid li “Huwa stramb kif l-MPE li mhumiex Maltin jistgħu jibdew witch hunt fl-iżgħar Stat Membru tal-UE billi jiddettaw kif Malta għandha tiffissa l-liġijiet tagħha, speċjalment wara referendum nazzjonali li wera li l-maġġoranza tan-nies appoġġjaw il-kaċċa fir-rebbiegħa f'Malta.”
Jibagħtu ittra lill-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella
Il-Kaċċaturi San Ubertu bagħtu ittra lill-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella li huwa politikament responsabbli mill-kaċċa fl-Ewropa peress li għandu l-portafoll tal-ambjent.
Fl-ittra huma jirreferu għall-iżbilanċ u l-manipulazzjoni tal-fatti li ntqalu waqt il-laqgħa fi Brussell. Sejjħu li din kienet parti minn kampanja orkestrata minn Birdlife biex twaqqaf il-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
Finalment, huma talbu lill-Kummissarju biex jiskrutinizza l-attentati minn din l-għaqda u s-sħab tagħha biex jimminaw ir-reputazzjoni ta’ Malta għal gwadann personali.