Il-kaċċaturi ġabru fjamingu u għaddewh lill-Pulizija

Read in English.

Il-Kaċċaturi San Ubertu ġabru ferħ ta’ fjamingu u għaddewh lill-Pulizija minħabba li hu tajra protetta.

Fi stqarrija ppubblikata mill-għaqda ntqal li dan seħħ dalgħodu fl-akkwati tal-Għadira s-Safra, li huwa sit ta Natura 2000 immexxi minn Kaċċaturi San Ubertu.

Huma spjegaw li hija xi ħaġa komuni li l-frieħ ta’ dawn l-għasafar ifittxu l-art minħabba li dan huwa żmien il-passa tagħhom. Fissru kif dan jiġri l-aktar fost dawk li ma jkunx għad għandhom saħħa biżżejjed biex jaslu l-Afrika mal-kumplament ta’ sħabhom.

Komplew jgħidu li n-nuqqas ta’ ikel xieraq fil-gżejjer Maltin, kif ukoll l-età żgħira ta’ dawn l-għasafar jirrikjedi l-intervent tal-bniedem biex dawn irabbu s-saħħa biex ikomplu jpassu. 

Membri ta’ Kaċċaturi San Ubertu ġabru il-fjamingu u għaddew din it-tajra lit-taqsima tal-Pulizija tal-ALE, li hija l-entità responsabbli li bil-ligi toġbor l-għasafar protetti misjuba. Wieħed jista’ jirrappurta sejba ta’ għasafar lil ALE fuq 22942161 jew 119.