Il-kaċċaturi b’sagħtejn aktar fil-Park tal-Majjistral

Il-ħin għall-kaċċa u l-insib ġol-Park tal-Majjistral żdied b’sagħtejn u nofs wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassabu Konservazzjonisti (FKNK) u l-Gvern.
Sa mill-2013 il-kaċċa u l-insib kienu permissibbli f’dan il-park sal-10am, issa l-ħin ġie estiż san-12.30pm.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK, Lino Farrugia, qal li l-ftehim sar bejn l-FKNK u l-Ministeru għall-Ambjent bl-intervent tas-Segretarju Parlemanteri għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri.
Farrugia sostna li did-deċiżjoni, frott ta’ diversi laqgħat, se tittratta b’mod aktar ġust lil dawk li jipprattikaw xi wieħed minn dawn id-delizzji fil-Park tal-Majjistral.
Saħaq li minħabba ostakli li ħolqu dawk li ddeskrivihom bħala “ostakli”, kienu saru emendi li ma kinux jagħmlu sens lill-kaċċaturi u nassaba fil-Majjistral, iżda issa l-Gvern fehem u rranġahom.
Għall-kaċċaturi, f’Settembru, Ottubru u Novembru l-ħin żdied san-12.30pm, iżda baqa’ sal-10am kull nhar t-Erbgħa, fil-festi pubbliċi, u f’Diċembru u Jannar.
Ir-restrizzjoni fil-festi pubbliċi tgħodd ukoll għal xi staġuni li jinfetħu fir-rebbiegħa.
Għan-nassaba, l-istaġun jibqa’ miftuħ sas-2.30pm.
L-NGOs jgħidu li huma diżappuntati
Intant it-tliet NGO’s Din l-Art Ħelwa, il-Fondazzjoni Gaia u Nature Trust Malta bl-appoġġ ta’ BirdLife Malta qalu li huma diżappuntati bl-estensjoni tal-ħinijiet fil-kaċċa u l-insib fil-Park tal-Majjistral, hekk kif dawn ġew aġġornati mill-Gvern.
Ritratt: Arkivji