Il-Kabinett se jiddeċiedi jekk Ministru jagħmilx xogħol fil-privat

Bil-kodiċi tal-etika l-ġdid se jkunu il-Kabinett li jiddeċiedi xi jkun ta’ interess nazzjonali biex Ministru jew Segretarju Parlamentari jkomplix bix-xogħol professjonali tiegħu.
Is-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar ħabbar li l-kodiċi tal-etika se jiġu ppubblikati fil-ġranet li ġejjin.
Dan biex ikun hemm dokument wieħed li jgħaqqad il-ħidma kollha tal-Gvern.
Huwa spjega li l-Ministri ma jistgħux jagħmlu xogħol privat sakemm il-Kabinett jiddeċiedi mod ieħor.
Qal li f’Malta għandna ftit riżorsi u soċjetà li qed tispjeċjalizza.
Is-Segretarju Permanenti Prinċipali qal li jrid jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol Parlamentari u speċjalizzazzjoni għaliex inkella jintilfu r-riżorsi.
Mistoqsi dwar il-każ ta’ Franco Mercieca, Mario Cutajar qal li dwar dan il-każ kien ġie deċiż li jekk ma jkunx hemm żmien ta’ tranzizzjoni kien se jkun ta’ detriment għall-pazjenti.
Saħaq li r-reviżjoni tal-kodiċi tal-etika bdiet issir fl-ewwel laqgħat tal-Kabinett u mhux wara li feġġ il-każ ta’ Franco Mercieca.
Mario Cutajar qal li fil-kodiċi ta’ etika tal-1994 kien ġie stabbilit li membri tal-Kabinett jistgħu jagħmlu xogħol ta’ lekċerers fl-Università, sakemm dan ma jtellifx xogħolhom.
Qal li l-Gvern preċedenti kien jiddeċieda dan skont l-interess nazzjonali filwaqt li spjega li se jkun il-Kabinett kollu li jiddeċiedi x’inhu fl-interess nazzjonali bħala responsabbilità kollettiva.
Fil-preżent hawn żewġ Ministri li qed jagħmlu xogħol part time ta’ lekċerers fl-Università.
Mal-kodiċi hemm ukoll manwal li jistabbilixi d-dikjarazzjoni tal-assi, liema proċedura baqgħet l-istess bħal qabel.
Cutajar spjega li ma jfissirx li matul din il-leġiżlatura ma kienx hemm kodiċi ta’ etika għall-Ministri għaliex dawk tal-1994 baqgħu jgħoddu sakemm fi Frar li għadda daħlu fis-seħħ dawk tal-2015.