Il-Kabinett ma jagħtix il-maħfra presidenzjali lill-Koħħu

Aġġornat 05:01 PM

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li l-President ta’ Malta fuq rakkomandazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri li mexa fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, iddeċieda li ma jagħtix il-proklama lil Vince Muscat, il-Koħħu.

Vince Muscat, hu wieħed mill-akkużati li wettqu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, permezz ta’ karozza bomba f’Ottubru tal-2017. Miegħu hemm akkużati wkoll l-aħwa George u Alfred Degiorgio.

Aktar kmieni

Jirriżulta li l-kabinett li tlaqqa’ t-Tnejn u ddiskuta t-talba li għamel il-Koħħu, iddeċieda fuq it-talba ta’ Muscat iżda s’issa għadu mhux ċar jekk il-Prim Ministru Robert Abela astjeniex.

Muscat qed jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu. F’Novembru tal-2019 hu kien talab għall-maħfra presidenzjali biex jikxef aktar dettalji dwar l-assassinju u reati oħra serji li twettqu f’Malta.

Fl-artiklu tat-Times of Malta jiġi rrapurtat kif il-Prim Ministru Robert Abela informa lill-Ministri tiegħu li rċieva parir legali sabiex ma jagħtix il-maħfra presidenzjali lil Vince Muscat qabel ma jisma’ x’għandhom xi jgħidu l-membri tal-kabinett fuq il-kwistjoni.

Jirriżulta wkoll li l-Prim Ministru kkonsulta wkoll mal-President George Vella fl-aħħar gimgħat qabel ma’ tkellem mal-kabinett.

Permezz tal-avukat tiegħu, Marc Sant, Vince Muscat, kemm-il darba ‘lmenta li huwa ilu li għamel din it-talba mit-30 ta’ Novembru tal-2019 mingħajr ma ħa risposta. Bl-avukat ta’ Muscat jgħid li d-dewmien “huwa intiż biex jaħbi u jostor milli joħorġu ċertu fatti u involviment ta’ persuni oħra bil-ħsieb biex ikomplu jagħtu immunita’ sħiħa lil dawn l-individwi li għadhom ma ssemmewx”. Ingħad ukoll li dawn il-persuni kienu fiċ-ċirku ta’ poter fil-pajjiż.

Dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fl-2019, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat kien ta l-maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma, s-sensar fl-assassinju.

F’Novembru tas-sena l-oħra, kien ġie rrapurtat li Muscat ta informazzjoni lill-Pulizija dwar l-involviment ta’ nies fil-Gvern Laburista fil-hold-up tal-HSBC li sar fl-2010. Jirriżulta li l-Koħħu għad ma qalx lill-Pulizija dwar min qed jitkellem. Kien qal anke lill-Pulizija li jista’ jagħti ħafna informazzjoni dwar każi kriminali mhux solvuti inkluż diversi serqiet u qtil.

L-involviment tal-Prim Ministru Robert Abela dwar id-deċiżjoni fuq il-maħfra presidenzjali lill-Koħħu hi meqjusa bħala waħda li tista’ toħloq il-problemi għaliex Abela kien irrapreżenta, bħala avukat lil Robert u Adrian Agius f’każi li kellhom fl-2012 u l-2016.

Il-Koħħu kien qal lill-pulizija li ż-żewġ irġiel magħrufin bħala Ta’ Maksar, Robert Agius u Jamie Vella, ipprovdew lit-tliet akkużati bil-bomba li splodiet il-karozza li kienet qed issuq il-ġurnalista.

Skont ma qal Muscat, il-pjan oriġinali kien li Caruana Galizia tinqatel bi sparatura fid-dar tagħha fil-Bidnija. Lill-pulizija qalilhom li Agius u Vella tawhom tliet xkubetti biex jippruvawhom, iżda l-akkużati rritornaw tnejn minnhom għax ma qdewhomx.

Eventwalment, l-allegati assassini ddeċidew li jużaw bomba minflok din l-arma.

Skont ir-rapporti, il-Koħħu qal lill-investigaturi li Ta’ Maksar urewhom kif iqabbdu l-apparat, deskritt bħala nofs id-daqs ta’ karta A4, u provdewhom bil-kodiċi meħtieġ li jintbagħat b’SMS biex tisplodi l-bomba. Qal ukoll li huma qalulhom li l-bomba tisplodi bejn 15 u 30 sekonda wara li jintbagħat l-SMS.

F’Ottubru rapport tat-Times u l-MaltaToday kien jgħid li lejn tmiem l-2019, persuna fil-familja ta’ Vince Muscat ġiet avviċinata fil-Marsa minn Agius u Vella b’offerta, li huma jagħtu lill-familja €1,500 fix-xahar bil-patt li Vince Muscat ma jlissinx kelma fuq il-qtil tal-ġurnalista u reati oħra.

Dan kien ġie kkonfermat magħhom mill-avukat ta’ Muscat, Dr Marc Sant, li spjega li l-familja tal-Koħħu rrifjutat l-offerta. Il-pulizija kienu infurmati b’dan f’Jannar tal-2020.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn