“Il-Kabinett jiddiskuti t-toroq ġodda u l-mina t’Għawdex” – PM

DOI - Omar Camilleri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-toroq il-ġodda u l-mina bejn Malta u Għawdex kienu fost it-temi ewlenin li ġew diskussi fil-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri. Waqt laqgħa bit-tema ‘Gvern li Jwettaq – Kabinett man-Nies’, il-PM tkellem dwar il-pjan strateġiku biex titjieb l-infrastruttura tal-pajjiż għal dak li qal qed jilħaq ‘livell bla preċedent’.

Joseph Muscat spjega li wiċċ Malta qed jinbidel għall-aħjar bis-saħħa tad-deċiżjonijiet strateġiċi fil-qasam infrastrutturali u faħħar il-ħidma li qed issir mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg ħabbar li dwar il-mina bejn iż-żewġ gżejjer, għadha kemm inħarġet notifika biex tavża li s-sena d-dieħla se jinħareġ tender għad-diżinn, il-bini, il-manutenzjoni u l-operat tal-mina.

Semma kif il-mina se tkun twila madwar 13-il kilometru u nofs u se testendi mill-inħawi ta’ Limbordin fil-Mellieħa san-Nadur f’Għawdex. Żied jgħid li filwaqt li ħafna drabi, pajjiżi oħra jgawdu minn suċċess ekonomiku minħabba infrastuttura tajba, f’Malta dan wasal xorta minkejja li l-infrastruttura ma kinitx tajba.

Il-Ministru Borg għadda biex jitkellem dwar it-toroq u semma l-interventi fuq diversi junctions, fosthom dawk ta’ Ħal Lija, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, il-Gudja, Ħal Luqa, il-Marsa Junction Project u toroq residenzjali.

Aċċenna għat-trasport alternattiv fejn qal li l-Gvern qed jagħmel faċilitajiet għaċ-ċiklisti, charging points għal vetturi elettriċi, u skemi finanzjarji minn Transport Malta. Fakkar kif din is-sena s’issa, aktar minn 50 miljun passiġġier użaw it-trasport pubbliku u 1.3 miljun persuna oħra użaw xi servizz tat-trasport bil-baħar.

Il-Ministru Borg tkellem anke dwar il-qasam marittimu u dak tal-avjazzjoni, li qal kollha raw żidiet kbar, fosthom bis-superyachts u l-ajruplani reġistrati taħt il-bandiera Maltija.