Il-kabinett japprova abbozz ta’ liġi dwar il-klima

Il-Kabinett tal-Ministri  approva l-Abbozz ta’ Liġi dwar Azzjoni Favur il-Klima li se jġib l-isem ta’ Climate Action Act
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-Ministru Brincat qal li wara xhur ta’ ħidma intensiva fuq livell tekniku, issa jmiss li ssir preżentazzjoni lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni b’mezzi elettroniċi. Saħaq li qabel ma jitnieda dan il-proċess, se tiġi kkonsultata l-Oppożizzjoni.
Eventwalment, l-Abbozz jitressaq quddiem il-Parlament, bl-approvazzjoni tiegħu tkun tfisser li Malta tkun mal-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jkun għadda mill-proċess li jwassal għall-qafas ta’ leġiżlazzjoni xierqa.
Il-Ministru Brincat saħaq li l-Abbozz ta’ Liġi huwa “enabling law” li minnu għad joħorgu għadd ta’ avviżi legali.  Tenna li permezz ta’ din il-liġi, il-Gvern irid jindirizza lis-setturi kollha tas-soċjetà.
Ritratt: DOI – Leo Brincat