Aġġornata (3): Il-Kabinett jaqbel li tingħata proklama lill-George Farrugia dwar il-każ tax-xiri taż-żejt

Stqarrija tal-Gvern ikkonfermat li l-Kabinett aċċetta li jirrakkomanda lill-President li tingħata proklama lin-negozjant George Farrugia biex dan jgħaddi iktar dettalji lill-Pulizija dwar l-allegat każ ta’ korruzzjoni fix-xiri taż-żejt.

F’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem laqgħa msejħa b’urġenza f’Kastilja, il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi qal li l-Kabinett sema’ il-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija biex toħroġ il-proklama.

Il-laqgħa f’Kastilja intemmet għall-ħabta tal-11.20 ta’ filgħaxija. Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u l-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Kien il-Prim Ministru li sejjaħ lill-Kabinett biex jiltaqa’ b’urġenza malli jasal lura Malta minn Brussell, wara li Malta ingħatat €1.128 biljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin.

Aktar kmieni filgħaxija, waqt il-programm Xarabank, il-Ministru Tonio Fenech qal li l-Kabinett qed jiddiskuti l-proklama fil-konfront ta’ individwu li lest jagħti iktar dettalji dwar il-kwistjoni tax-xiri taż-żejt.

Fil-jiem li għaddew George Farrugia talab li jingħata l-proklama biex jiżvela informazzjoni ġdida b’rabta mal-kummissjonijiet imħallsa fuq xiri ta’ żejt. Il-Ministru Fenech qal li l-Gvern qed jieħu dan il-każ bl-ikbar serjetà biex il-Pulizija tkun tista’ tressaq il-Qorti l-persuni nvoluti.

Aktar kmieni llum, Tancred Tabone irriżenja minn President tal-Kamra tal-Kummerċ. Isem Tabone, li huwa eks Chairman tal-Enemalta, issemma’ wkoll fl-istħarriġ tal-Pulizija dwar xiri ta’ żejt mill-Enemalta.