Il-Kabinett jipproponi lil Angelo Gafà għall-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Kabinett iddeċieda li jressaq lil Angelo Gafà għall-ħatra ta’ Kumissarju tal-Pulizija.

Fi stqarrija l-Gvern qal li l-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati li pproponiet il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Il-Gvern ma qalx min kien it-tieni kandidat.

Skont il-Gvern “il-Kummissjoni b’mod unanimu rreferiet il-lista mqassra għal żewġ kandidati lill-Kabinett tal-Ministri.”

“Il-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati u ddeċieda li jirreferi lis-Sur Angelo Gafà bħala l-aktar wieħed addattat għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, għal smigħ  parlamentari  mill-Kumitat  Permanenti  dwar  il-Ħatriet Pubbliċi,” qal il-Gvern.

Gafà kien qed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija.

Qabel ma aġġorna għall-btajjel tal-Għid, il-Parlament approva b’34 vot favur u 24 kontra, l-emendi tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Pulizija fit-tielet qari, biex b’hekk dawn l-emendi għaddew mill-istadji kollha tal-Parlament u mistennija jsiru liġi. L-emenda prinċipali fil-liġi hi l-mod kif se jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

L-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tibda b’sejħa pubblika. Se tkun il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) li se tevalwa l-applikazzjonijiet kollha u tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali li ssir mill-Kabinet tal-Ministri. Il-persuna magħżula mbagħad trid tgħaddi mill-iskrutinju tal-Parlament.

L-eks Spettur tal-Pulizija Mary Muscat, l-investigatur fis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni Frankie Sammut, u l-eks President tal-Police Officers Union Sandro Camilleri ħabbru li applikaw għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Pulizija. Applikaw wkoll l-avukat Herman Mula u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.

“Abela għażel lill-Kummissarju hu. Fuq probation. Ma nbidel xejn – PN

Intant, il-kelliema tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina qalu li minkejja l-ħafna kliem fieragħ, Robert Abela sal-lum ma jridx li jkun hemm kunsens u ftehim mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid.

“Milli mħabbar illum huwa ċar li Robert Abela qed ikompli jwebbes rasu u għażel li jibqa’ jinnomina u jtajjar il-Kummissarju tal-Pulizija meta u x’ħin irid. Għal din ir-raġuni l-Oppożizzjoni mhux se tkun parteċipi f’dan it-taparsi proċess ta’ għażla”, żiedu jgħidu.

Saħqu li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li Robert Abela għandu jfittex ftehim u qbil mal-Oppożizzjoni sabiex jinħatar Kummissarju tal-Pulizija li jista’ jerġa’ jġib il-fiduċja tal-poplu fil-Korp.