Il-KA b’appell għall-MEPs eletti sabiex imexxu ‘l quddiem proposta tagħha

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta stiednet lill-kandidati Maltin fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew biex dawk li jiġu eletti jmexxu ‘l quddiem proposta li għamlet il-kummissjoni.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-proposta tal-kummissjoni tara li kemm f’Malta kif ukoll fl-istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini jkollhom tassew sehem effettiv u f’waqtu fl-għażla tal-alternattivi li jkunu se jiġu studjati biex jintlaħqu l-oġġettivi ta’ proposta ta’ żvilupp li tkun se tiġi ffinanzjata mill-UE.

Il-KA ħadet din l-inizjattiva wara li fil-5 ta’ Novembru 2018, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ippjanar Urban, bagħtet proposta lill-Kummissjoni Ewropea u lill-President tal-Parlament Ewropew dwar il-bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-tfassil tal-Analiżi dwar l-Ispiża u l-Benefiċċji (Cost-Benefit Analysis) ta’ proġetti li jkunu se jiġu ffinanzjati mill-UE, u li jkunu jeħtieġu tali analiżi taħt ir-regolamenti tal-UE.

Fit-tweġiba tiegħu, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kien informa lill-KA li l-Parlament Ewropew iħaddan l-istess veduti tal-KA dwar l-importanza li l-komunitajiet lokali jkunu konsultati fi stadju bikri tal-proġetti ffinanzjati mill-UE.

Il-President Tajani tenna li kien għadda l-proposta lir-rapporteurs fi ħdan il-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali li kienu qed jaħdmu fuq ir-regolamenti għall-programm finanzjarju tal-Unjoni Ewropea li jkopri s-snin 2021–2027. Hu esprima wkoll iċ-ċertezza tiegħu li r-rapporteurs kienu se jqisu l-veduti tal-KA fit-tfassil tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni.