Il-Junior Eurovision Song Contest 2014: esperjenza edukattiva b’differenza

Il-Junior Eurovision Song Contest 2014 li se jsir f'Malta mhux biss se jkun festival mużikali bħal tas-soltu imma se jservi ta' esperjenza edukattiva b'differenza għall-istudenti Maltin u Għawdxin.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat kif sittax-il skola f'Malta u Għawdex se jkollhom sehem attiv fl-organizzazjoni tal-festival. Tħabbar li l-istudenti minn 14-il skola f'Malta u minn 2 skejjel f'Għawdex se jkunu qed jakkumpanjaw lill-kantanti barranin tul iż-żmien li se jqattgħu f'Malta.
Permezz ta' dawn il-laqgħat it-tfal u l-adolexxenti se jkollhom iċ-ċans jesperjenzaw b'mod ħaj elementi li jistudjaw dwarhom mill-kotba u bejn l-erba' ħitan tal-klassi. Dawn jinkludu l-lingwi barranin, elementi kulturali varji, dettalji dwar storja u ġografija u anke ħiliet soċjali oħra.  Kull skola li se tieħu sehem se ttella' ukoll kunċert.
Ma' dan, fl-aħħar sigħat tħabbar ukoll li l-Italia se tieħu sehem għall-ewwel darba f'dan il-festival li se jsir f'Malta fil-15 ta' Novembru li ġej.