​Il-Junior Eurovision sewa lill-Gvern iktar minn €1.3m

Il-Gvern ikkontribwixxa €1,385,150 għall-organizzazzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest (JESC), li ġie organizzat f’Malta s-sena li għaddiet, bil-kuntratturi prinċipali jintagħżlu skont ir-regoli ta’ xiri tal-Gvern.
Il-bqija tal-fondi meħtieġa ġew iġġenerati fuq bżai kummerċjali mill-PBS, bl-appoġġ tal-European Broadcasting Union (EBU).
Il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
Il-Ministru spjega li l-post tax-Shipbuilding kien identifikat mill-PBS u mill-EBU bħala wieħed li jissodisfa d-daqs mixtieq iżda kellu bżonn trasformazzjoni kbira. Tenna li dan l-avveniment serva bħala vetrina għal Malta f’iktar minn 16-il pajjiż li fihom ixxandar.
Spjega wkoll li din is-sena, ġew attirati iktar pajjiżi biex jieħdu sehem f’dan il-festival. Fl-2014 il-parteċipanti kienu 16, waqt li fl-2013 dawn kienu 12. Spjega wkoll li ebda delegazzjoni ma ġiet imħallsa għalkemm xi wħud ġew assistiti b’titjiriet li kienu sponsorjati u bl-akkomodazzjoni.
Waqt li fakkar li fl-istess struttura ġie organizzat il-Malta Eurovision Song Contest ftit jiem wara u għalhekk is-servizzi tal-kuntratturi tal-JESC ġew estiżi b’ġimgħa, il-Ministru qal li l-EBU tat rikonoxximent lill-PBS għall-istandards tekniċi u organizzativi milħuqa li għandhom iservu ta’ mudell għal festivals simili fil-futur.