Il-junction tal-Kappara tiżżanżan illejla

Illejla mistenni jinfetħu żewġ korsiji tal-flyover tal-Kappara li se jkunu qed imexxu t-traffiku lejn San Ġiljan mid-9pm ’il quddiem.
Kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li issa li lest ix-xogħol fuq naħa tal-proġett, il-ħaddiema se jkunu qed ikomplu biex ilestu n-naħa l-oħra.
Għalhekk, se tingħalaq in-naħa li la jitlesta l-proġett tkun tagħti mill-Imsida lejn San Ġiljan.
Sadanittant, in-naħa li hija lesta se tintuża għalissa sabiex it-traffiku jgħaddi lejn San Ġiljan, iżda la jitlesta l-proġett din tkun tagħti lejn il-Belt.
Ilbieraħ das-sit irrapporta li kienet se tinfetaħ il-karreġġjata li tagħti għall-Belt, iżda t-traffiku fiha se jkun dirett in-naħar l-oħra, ikkonferma l-kelliem għal Transport Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq is-sit, il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li ttieħdet id-deċiżjoni li dawn iż-żewġ korsiji jinfetħu issa sabiex titnaqqas il-konġestjoni konsegwenza tax-xogħlijiet li għaddejjin.
Borg irrimarka li l-proġett mistenni jitlesta qabel iż-żmien stipulat.
Filwaqt li l-proġett kien maġsub li jitlesta sal-aħħar tas-sena, il-Prim Ministru, Joseph Muscat, kien qal li aktarx jitlesta sa qabel jibdew it-tfal bl-iskola.
Ladarba jitlesta l-proġett tal-Kappara, kompla Borg, jibda dak tal-Marsa.